Sibniha s-‘silver bullet’ għall-kriżi



Aktar ma jsiru ‘summits’ tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea, aktar qiegħda tikber l-aspetattiva li l-aħħar soluzzjoni misjuba u miftiehma se tkun dik li ssolvi darba għal dejjem il-problemi li għaddejja minnhom l-ewro. Meta Olli Rhen bħala Kummissarju, ħabbar li l-kriżi tant hi serja li kien baqa’ biss għa-xart ijiem biex tinstab dik is-soluzzjoni aħħarija qabel ma ż-Żona taqa’ f’abbiss kbir. Wieħed kellu raġun jistenna li mis-‘summit’ ta’ nhar il-Ġim­għa, 9 ta’ Diċembru, toħroġ l-aħbar li l-mexxejja fl-aħħar kienu se jħabbru dik is-soluzzjoni li se tfejjaq il-mard ekonomiku li minnu għaddejja l-ewro, f’kelma waħda tinstab u titħabbar dik is-‘silver bullet’.
Dan is-‘summit’ wera biċ-ċar mhux biss li dan mhux il-każ, imma li għall-problemi li qiegħda tiffaċċja ż-Żona Ewro m’hemm l-ebda ‘silver bullet’. Li hemm żgur hi telgħa iebsa li l-pajjiżi jridu jitilgħu bi tbatija kbira tul snin sħaħ tal-ġejjieni. Dan għax is-soluzzjo­nijiet huma ferm diffiċli kemm politikament u kif ukoll ekonomikament.
Parti mill-miżuri mħabbrin kienu meħudin minn pakkett magħruf bħala s-‘six pack’ li kienu ġew proposti mill-Kumitat tagħna, dak għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarju u approvati mil-Parlament Ewropew. Il-Kunsill Ewropew qabadhom u ġabarhom flimkien fi speċi ta’ patt jew trat-ttat ġdid bejn 26 pajjiż għax kif nafu l-Ingilterra mhix parti minn dan il-ftehim. Dan jirrigwardha x’jiġri pereżempju meta pajjiż jeċċedi d-defiċit ta’ 3% jew inkella l-proporzjon tad-dejn jaqbeż is-60% tal-PGD, xiħaġa li spjegajtha f’dawn l-artikli qabel.
Magħhom hemm ukoll il-miżura li jiġu ppompjati aktar biljuni ta’ ewro biex jiżdied u jikber il-Fond magħruf bħala ESFS. Dan se jżiduh bejn €200 u €250 biljun. Din id-darba dawn mhux se jingħataw bħala garanziji imma fi flus. Dawn il-flus se jinħarġu mir-riżervi tal-Banek Ċentrali ta’ kull pajjiż membru u jgħadduhom lill-Fond Monetarju Internazzjonali. Dan wara jgħad­dihom lill-Fond Ewro­pew.
Pajjiżna se jgħaddi lill-IMF somma ta’ bejn €150 u €200 miljun li jridu joħorġu mir-riżervi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta. S’intendi dawn naqilgħu l-imgħax fuqhom bħal ma konna qegħdin nagħmlu qabel. Però ma ndaħħkux in-nies bina u ngħidu li dan hu xi ġest għaqli għax huwa investiment tajjeb, qisu qabel il-flus kienu f’xi kantina tal-Bank Ċentrali.
It-tielet miżura hija ftehim bejn il-pajjiżi li jifformaw il-patt li tiddaħħal fil-kostituzzjoni ta’ kull pajjiż, klawsola li biha l-pajjiż jintrabat li l-ba­ġits għal quddiem iridu jkunu bilanċjati u ma jkunx hemm defiċits. Jekk xi pajjiż ikollu l-ħtieġa li jagħmel defiċit, allura dan ma jridx jaqbeż il-0.5%. Kull pajjiż irid jara kif se jagħmel dan it-tibdil fil-kostituzzjoni tiegħu, pass li mistenni joħloq problemi politiċi f’uħud mill-paj­jiżi.
Bħala ekonomista, jien jinteressani kif din il-miżura ta’ tibdil fil-kostituzzjoni tal-pajjiżi, li ddaħħlet fil-patt fuq talba tal-Ġermanja, se taħdem. Mill-aspett ekonomiku nafu li idealment il-baġits iridu jibbilanċjaw ruħhom b’mod li fuq medda ta’ żmien ma jkabbrux id-dejn. Iżda dan mhux possibbli jsir kull sena. Dan għax fi żmien ta’ riċessjoni wieħed jistenna li jkun hemm id-defiċits. Filwaqt għall-kuntrarju wieħed jistenna li jsiru s-surplusses fi żmien meta l-ekonomija tkun sejra tajjeb u tkun tista tiġbor aktar taxxi. Jiġifieri wieħed irid jara li l-baġits jibbilanċjaw ruħ­hom fuq medda ta’ żmien li tinkludi ċ-ċiklu ekonomiku sħiħ. Wieħed għad irid jara kif din se tinkiteb fil-kostituzzjoni ħalli tippermetti li l-bilanċ fil-baġit jintlaħaq b’dan il-mod.
Bħalissa qed jingħad li jekk id-defiċit jispiċċa jaqbeż il-0.5%, jidħlu fis-seħħ awtomatikament ċerti miżuri bis-saħ­ħa tal-liġi nnifisha li mbagħad il-Gvern ikollu jimplimenta tnaqqis fl-ispejjeż tiegħu jew inkella jara kif iżid id-dħul tiegħu biex inaqqas id-defiċits għal dak li hu permess.
Wieħed irid jara wkoll x’jiġri jekk din il-miżura ma taħdimx. Jiġifieri inutli jekk fuq il-karta u fil-kostituzzjoni ikollok dan il-mekkaniżmu mbagħad jekk l-ekonomija tmur ħażin, kif ġara f’din il-kriżi, fejn d-defiċits splodew ’il fuq u ħolqu il-problema min­kejja li f’ċerti każi d-defiċits u d-djun kienu ferm bax­xi qabel il-kriżi.
Apparti s-Summit, l-aktar politika effikaċi kienet dik monetarja u li għalhekk ħar­ġet mill-Bank Ċentrali Ewro­pew. Din il-miżura li se tibda sseħħ minn għada, 20 ta’ Diċembru, ġiet imfissra lilna fil-laqgħa li jien u sħabi kellna mal-President tal-Bank Mario Draghi. Din il-politika tgħid li l-Bank se jibda jsellef għal tliet snin sħaħ, lil kull bank fl-Ewropa li jkollu bżonn iżid il-likwidità.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jitlob ukoll lil dawn il-banek ibaxxu dak li bl-Ingliż tissejjaħ ‘reserve ratio’ ħalli huma mbagħad ikunu jistgħu jsellfu iżjed minn qabel lill-kumpaniji privati. Dan nafu li hu importanti għax huma l-kumpaniji privati li joħolqu x-xogħol. Huwa kkalkulat li dawn joħolqu 60% tal-impiegi u allura huwa importanti li l-likwidità ta’ dawn il-banek li jissellfu minn għandhom qatt ma tixxotta. B’hekk jibqgħu jsellfu lill-intrapriżi li jkollhom bżonn kapital jew ‘overdrafts’ biex joperaw.
Il-Bank Ċentrali Ewropew se jsellef dawn il-flus b’imgħax ta’ 1%. Però għal futur din tkun marbuta mar-rata tal-Bank li tista’ tiċċaqlaq minn żmien għal żmien. Bħala garanzija, il-Bank Ċentrali Ew­ropew lest li jaċċetta anke s-self ta’ dawn il-banek żgħar u kbar, jipprovdu lill-kumpaniji, bħala ‘collateral’. F’kull paj­jiż inkluż Malta ikun l-Bank Ċentrali ta’ pajjiżu li jidde­ċiedi liema huwa s-self li jagħ­mel tajjeb bħal ‘collateral’ li jitpoġġa mal-Bank Ċentrali.
Din hija aħbar tajba għax b’hekk waħda mill-problemi tal-kriżi, dik li qiegħda tonqos il-likwidità tal-banek Ewropej tittaffa permezz tal-politika monetarja inqas restrittiva tal-Bank Ċentrali Ewropew.
l-orizzont – It-Tnejn, 19 ta’ Dicembru, 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *