Sfida kbira għall-UE


Waħda mill-akbar sfidi li għandha quddiemha l-Unjoni Ewropea (UE) hija li jkollha politika ta’ governanza ekonomika addattata u maħsuba biex ikunu evitati kriżijiet bħal dawk li rajna jolqtu lill-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall. Fost l-oħrajn, għandhom jiġu indirizzati l-iżbilanċi li hemm bejn il-pajjiżi membri taż-Żo­na Ewro, iżda jekk din il-politika ma tkunx flessibbli ma’ pajjiżi li jinsabu f’diffi­kul­tajiet finanzjarji u ekonomiċi, allura dan l-eżerċizzju jkun sar għalxejn għax ma jaħdimx.

Il-ħtieġa akuta li tiġi rive­duta l-governanza ekonomika Ewropea ħarġet ċara daqs il-kristall minn mindu faqqgħet il-kriżi Griega kważi sena ilu u minn meta rriżulta li 26 mis-27 pajjiż membru tal-UE kie­nu kisru r-regoli tal-Patt ghat-Tkabbir u Stabbilità (SGP) fir-rigward ta’ djun u defiċits.

Sa ħames snin ilu x’aktarx li ftit kienu dawk li qatt ħolmu li l-SGP kien se jkun jeħtieġ ir-riforma radikali li fil-fatt għandu bżonn. Il-kriżijiet finanzjarji, ekonomiċi u djun nazzjonali flimkien mal-ispekulazzjoni tas-suq wasslu lil diversi pajjiżi qrib falliment u lil bosta oħrajn f’diffikultajiet kbar immens. Sitwazzjoni li kienet mgħejjuna bis-sħiħ minn governanza ekonomika fqira. L-iskrutinju biex pajjiżi jidħlu fiż-Żona Ewro kif ukoll d-dixxiplina għal membri taż-Żona biex ma jaqbżux l-limiti stabbiliti, kienu laxki għall-aħħar.

Il-Kumitat tal-Affarijiet Eko­nomici u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewro­pew appun­ta grupp, li tieghu jien membru, li għal dawn l-aħħar sitt xhur ħadem bla heda għal tfassil mill-ġdid tar-regoli tal-governanza ekonomika tal-UE. Tibdil rifless f’miżuri preventivi, sanzjonar ta’ inċentivi u metodi ta’ korrezzjoni.

Kollha naqblu li l-SGP irid ikollu s-snien biex jigdem. Irid jingħata s-saħħa. Però ħas­ra li hemm politiċi konservattivi u liberali li ħsiebhom biss f’sanzjonijiet ħorox. Jemmnu biss li pajjiż jista’ jitpoġġa lura fit-triq it-tajba bil-miżuri ta’ awsterità biss. Jiena qabbilt din il-politika mal-liġi Musulmana tax-Sharia. Veru li taħdem, imma krudili.

F’kuntest ekonomiku tmur ’il bogħod aktar minn hekk. L-attitudni murija minn konservattivi tal-lemin u l-liberali, flimkien mal-patt ekonomiku Franco/Ġermaniż, tista’ twassal għal twessiegħ tad-differen­zi li ekonomikament jeżistu bejn pajjiżi membri fiż-Żona Ewro. F’dan il-kuntest din il-politika qed tieħu forma ta’ imperjaliżmu ekonomiku fl-Ewropa. Il-grupp tiegħi, l-alleanza tas-Soċjalisti u Demo­kratici, ma jaqbel xejn ma’ din l-evoluzzjoni politika peri­koluża li qiegħda sseħħ u qed juri li ma jaqbel xejn magħha. Mhux ta’ b’xejn li sew unjins Maltin kif ukoll Ewropej jinsabu mħassbin bis-sħiħ.

Il-qofol ta’ nuqqas ta’ qbil f’dak propost huwa dwar l-għodda li jkun jista’ jħaddem pajjiż maqbud f’riċessjoni. Nafu x’kienu r-riżultati ta’ riċessjonijiet ekonomiċi. Fejn kien possibbli kellna pajjiżi li għamlu użu minn miżuri ta’ stimolu biex jilqgħu, ipattu, għall-impatt tar-riċessjoni u jkunu salvati l-impjiegi.

F’ħafna mill-każi kien eżer­ċizzju li rnexxa u kienu salvati miljuni ta’ mpjiegi. Mhux hekk biss, imma tħalliet bażi soda biżżejjed li minn fuqha seta’ jinbeda r-ritorn għat-tkab­bir ekonomiku, filwaqt li jonqsu d-defiċits fil-baġits u jonqos id-dejn ipparagunat mal-Prodott Gross Domestiku.

Lanqas biss konna ħriġna mir-riċessjoni li l-konservattivi bdew jissuġġerixxu l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ awste­rità biex jonqsu d-djun fl-Ewropa kollha, bl-unika għaż­la li jkollhom il-gverni­jiet tkun kemm se jaqtgħu fil-fond. Kemm se jnaqqsu min-nefqa.

Nemmen li ekonomikament fuq skala Ewropea dan ma jagħmilx sens. Anzi, jista’ jkun ta’ dannu kbir għaż-Żona Ewro. Huwa fatt magħruf li fi ħdan l-UE hemm differenza fil-kompetittività. Tul dawn l-aħħar għaxar snin il-pajjiżi Mediterranji mqabblin mal-pajjiżi Nordiċi, saru inqas kom­petittivi f’termini tal-ispi­ża ta’ produzzjoni. Dan għandu jinqaleb biex dawn il-paj­jiżi jkunu jistgħu jinnegozjaw kompettitivament. Biex isir dan, il-pajjiżi Nordiċi li huma b’saħ­ħithom ekonomika­ment iridu jgħinu billi jkabbru – u mhux inaqqsu – d-domanda għall-importazzjoni minn paj­jiżi oħrajn fl-Unjoni. Sfortunatament ma jridux jisim­għu b’dan.

F’dan ix-xenarju hemm il-kompliċità ta’ pajjiżi bħalma hija l-Ġermanja, li qiegħda żżomm il-pagi artifiċjalment baxxi u b’hekk tirrestrinġi l-kon­sum lokali, u allura l-importazzjoni, filwaqt li tkabbar l-esportazzjoni lejn il-pajjiżi konsumisti tal-Mediterran. Eżer­­ċizzju li wkoll serva bil-kbir biex jiżdiedu l-iżbilanċi fil-kompet­tività.

Ir-riżultat huwa ovvju… iddgħaj­fu pajjiżi bħall-Greċja, il-Portugall u l-Italja, filwaqt li ssaħħu l-Ġermanja stess, Fran­za u l-Olanda, biex issa qegħdin fil-pożizzjoni li jiddettaw x’għandhom ikunu t-termini futuri tal-governanza ekono­mika. Bir-‘reverse majority’, li qed jipproponu għal-futur, kull pajjiż fiż-Żona Ewro li għandu xi defiċit jew dejn kbir mhux se jkollu vot fid-deċiżjonijiet kruċjali. B’hekk il-pajjiżi Nordiċi se jkollhom ‘blank cheque’ u jiddettaw biss huma.

Qed naraw l-istess tattika fejn tidħol il-kriżi tad-djun nazzjonali. Il-pajjiżi tal-UE nne­gozjaw il-‘bail-out’ tal-Greċ­­ja u sussegwentement tal-Ir­landa, b’self li fuqu hemm interessi għoljin x’jit­ħallsu, filwaqt li qed jagħmlu pressjoni kbira u inġusta biex l-Irlanda tgħolli r-rata tat-taxxa fuq l-ażjendi tagħha magħrufin bħala ‘corporation tax’. X’talbu lill-Greċja, lill-Irlan­da u dalwaqt lill-Portugal, bħall-programm ta’ awste­rità li qed iweġġa’ liż-żgħir, jafu kulħadd.

Li m’aħniex ngħidu hu li kieku l-Irlanda flok għamlet hekk, ħalliet il-banek tagħha jfallu, banek ewlenin fir-Renju Unit u l-Ewropa kienu jitilfu biljuni ta’ ewro mil-lum għall-għada. L-eżercizzju, “is-salvataġġ”, li sar mal-Irlanda, ifisser li pajjiżi Ewropej oħrajn se jkunu assigurati li l-banek tagħhom ma jintlaqtux. L- istess għall-Greċja. Il-gverni­jiet taż-Żona Ewro għażlu li flok ibatu l-banek Nordiċi jit­fgħu l-piż kollu fuq it-‘taxpa-yer’ tal-pajjiżi li qegħdin jingħataw l-‘bail-out’. Il-kriżi finanzjarja minflok qed iġorru­ha l-banek qed iġorrha t-‘taxpayer’. Żgur li din mhix is-solidarjetà li fuqha twaqqfet l-Unjoni Ew­ropea!

Ilkoll naqblu li l-kotba tal-gvernijiet Ewropej għandhom ikunu bilanċjati. Ir-riformi strut­turali jridu jsiru u ma għand­homx jibqgħu jiġu posposti. Però għandhom isiru f’waqthom. Il-pajjiżi għandhom joqogħdu attenti li ma jaqgħux fin-nassa li filwaqt li jsegwu t-teoriji Keynes fi żmi­nijiet ħżiena, jinjorawhom fi żminijiet tajbin. Però ma nis­tgħux naċċettaw miżuri li ji­tilqu minn taħt għajnejhom l-miri tax-xogħol u l-miri soċjali bl-iskuża ta’ politika li tiffoka biss fuq sanzjonijiet u xejn aktar.

Billi timmulta somom massivi lil pajjiżi diġà f’diffikul­tajiet finanzjarji ma tkunx qed tgħinhom. Dan hu dak li qegħdin jinsistu għalih il-kon­servattivi. Eżempju ta’ dan hi l-proposta ta’ wħud minnhom u ta’ neo-liberali Nordiċi li pajjiżi li jiksru l-SGP ikunu mmultati sa aktar minn 1% tal-GDP tagħhom f’sena waħda. Dan mhux loġiku. Huwa assurd, bla sens, li pajjiż, li diġà għandu d-dejn, tgħabbih b’aktar dejn biex suppost tkun qed tgħinu jibbilanċja l-kotba tiegħu. Huwa għalhekk li l-aċċess għal forom ta’ ‘bonds’ Ewropej hija idea tajba. Ikunu jistgħu jilqgħu għall-ispekulazzjoni tas-suq.

L-għażla hi waħda. Riżoluta. B’saħħitha. Pakkett bilanċjat ta’ inċentivi u sanzjonijiet, jekk hemm bżonn, li jgħin biex ikun assigurat il-futur taż-Żona Ewro. Però warajh irid ikun hemm programm ta’ investiment għat-tkabbir tal-impjiegi. U fuq kollox solidarjetà vera biex il-kbir jgħin liż-żgħir. Jekk nibdlu il-Patt għat-Tkabbir u Stabbilità f’Patt ta’ Stabbilità li jfisser biss awsterità, u ninsew l-kelma Tkabbir, inkunu veru qegħdin biss nagħżqu fl-ilma.

www.l-orizzont.com – Tnejn, 25ta’ April 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *