Programmi ta’ awsterità


Programm ta’ awsterità. Din hija l-frażi l-aktar komuni bħalissa f’ħalq il-gvernijiet madwar l-Ewropa kollha. Dan qed isir meta fl-istess waqt fl-Amerika l-President Obama mhux se jġedded programm ta’ tnaqqis ta’ taxxi għal ċerta sezzjoni tal-poplu.

Qatt daqs illum f’dawn l-aħħar 40 sena, ma kien hemm daqstant pajjiżi f’daqqa bi programm ta’ awsterità. L-effett ta’ programmi bħal dawn huwa li tixxekkel l-ekonomija u jinħoloq aktar qgħad.

Programm ta’ awsterità qisu bħal programm ta’ dieta, flok fuq il-ħxuna tal-ġisem, fuq il-ħxuna tad-djun u d-defiċits. Dieta fuq il-finanzi pubbliċi. Programm ta’ awsterità mhux xi riforma f’xi settur partikolari, biex isir sostenibbli fit-tul. Ħafna drabi jirriżulta li l-gvernijiet iħarsu biss f’direzzjoni waħda: li ċ-ċifri fejn jidħlu defiċits u dejn nazzjonali jonqsu u jit ressqu kemm jista’ jkun lejn il-kriterji stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Dan iwassalhom biex jagħmlu miżuri goffi u li ħafna drabi jolqtu fil-laħam il-ħaj.

Imma ma rridux ninsew li għal miżuri bhal dawn hemm prezz x’jitħallas. Prezz qares. Miżuri bħal dawn jikkawżaw telf ta’ impjiegi. Jikkawżaw nuqqas ta’ flus fl-idejn. Il-gvern iżomm lura milli jħallas. Jitwaqqfu l-proġetti. Miżuri li raj niehom fil-programm ta’ awsterità li ntalab li jkun adottat mill-Greċja fejn il-miżuri kienu, u huma, aggressivi ħafna, bil-għan li jitbax xew kemm jista’ jkun id-defiċit u d-dejn nazzjonali.

Id-defiċit u d-dejn enormi li għandha l-Greċja wassal biex tintilef il-fiduċja ta’ min kien f’pożizzjoni li jista’ jkompli jislef flus lil dan il-pajjiż. Sitwazzjoni li ġabet lill-Greċja f’xifer falliment. Riedet tkun l-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li servew ta’ solljev għall-Greċja… taħt il-kundizzjoni ta’ programm qawwi ta’ awsterità.

Pajjiżi oħrajn Mediterranji, Spanja, Portugall u l-Italja, li kollha jinsabu fl-istess baħar imqalleb tal-Greċja, “tgħallmu” mill-esperjenza Griega. Konxji li jistgħu jsibu ruħhom fl-istess sitwazzjoni, bla ma ħadd issuġġerielhom, imbarkaw minn jeddhom fuq programmi ta’ awsterità. Għamlu l-istess l-Irlandiżi u qegħdin jagħ mlu l-istess l-Ingliżi.

Wieħed jasal biex jifhem li dawn il-pajjiżi, ladarba qegħdin f’diffi kultà, jaraw kif jaddattaw għaċ-ċirkostanza. Li hu kurjuż huwa l-fatt li żewġ pajjiżi kbar Ewropej, il-Ġermanja u Franza, li mhux qegħdin isofru mill-istess ċir kostanza tal-oħrajn, ukoll resqin lejn politika bħal din, imma għal raġuni differenti.

Il-Ġermanja, l-akbar pajjiż fl-UE, tibża’ mill-inflazzjoni. Tinsisti li żżommha baxxa kemm jista’ jkun. Tenfasizza li ma jkollhiex defiċits u djun. Dan isaħħilhom il-pożizzjoni fejn jirrigwarda esportazzjoni. Il-Ġermaniżi jippretendu li l-pajjiżi kollha tal-UE jagħmlu bħalhom u qegħdin iħajru lill-pajjiżi l-oħrajn biex jaddottaw programmi ta’ awsterità, kulħadd skont iċ-ċirkostanza tiegħu, iżda b’għan komuni, dak li jbaxxu d-djun u d-defiċits kemm jista’ jkun. Il-medja tad-defiċits u d-djun fl-UE telgħet mhux ħażin u dan primarjament għal żewġ raġuni jiet, il-miljuni kbar ta’ ewros biex isalvaw il-banek milli jfallu, u l-pakketti ta’ stimulu għall-ekonomija.

Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh xi tkun ir-reazzjoni tal-banek ċentrali għal programmi ta’ awsterità. Normalment dawn ibax xu l-imgħax biex jistabbilizzaw l-ekonomija. L-isfortuna hija l-imgħaxijiet madwar id-dinja qatt ma kienu baxxi daqs illum. Il-Bank Ċentrali Ewropew mhux f’pożizzjoni li jpatti għall-miżuri ta’ awsterità addottati minn diversi gvernijiet fl-UE. M’għandux spazju biżżejjed biex jimmanuvra. Illum stess waranofsinhar, fil-kumitat tiegħi fil-Parlament Ewropew se nistaqsi lill-President tal-Bank Ċentrali Ewropew din il-mistoqsija.

M’iniex waħdi li qed nitħasseb dwar din il-politika ta’ programmi kollettivi ta’ awsterità madwar il-pajjiżi tal-UE. Hemm differenza bejn li jkun pajjiż wieħed jew tnejn li jkollhom jidħlu għal mizuri ta’ awsterità, u li tkun l-Ewropa kollha għaddejja b’dan il-mod.

Wisq nibża’ li nistgħu nidħlu fi sqaq, li jinħoloq ħafna qgħad fil-pajjiżi tal-UE. Wieħed jittama li kull pajjiż iżomm dan quddiem għajnejh, b’mod partikolari l-Ġermanja, għax jekk tinħoloq problema bħal din, inkunu ħloqnieha aħna stess.

www.l-orizzont.com – It-Tnejn, 27 ta’ Settembru, 2010


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *