Missjoni ta’ osservanza mill-UE


Nhar il-Ġimgħa li ġejja fl-Uganda jkunu qegħdin isiru l-elezzjonijiet Presidenzjali, Parlamentari u Lokali. Elezzjonijiet importanti ħafna, sew għal pajjiżhom u sew għar-reġjuni Afrikan ta’ madwarhom.

L-Unjoni Ewropea se tibgħat Missjoni biex tosserva l-andament tal-elezzjonijiet f’kull stadju tagħhom – qabel, waqt u wara. Missjoni ffurmata minn 110 uffiċjal u li l-Kummissarju għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Catherine Ashton, inkarigat lili biex inkun il-Kap tagħha, l-Osservatur Ewlieni.

Huwa normali li sew l-Unjoni Ewropea u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-OSCE, il-Commonwealth u l-Carter Foundation jintalbu jibagħtu missjonijiet bħal dawn josservaw elezzjonijiet f’uħud mill-pajjiżi, partikolarment pajjiżi magħrufin bħala tat-Tielet Dinja.

Din se tkun l-ewwel darba li Missjoni tal-Unjoni Ewropea tax-xorta tagħha se tkun iffurmata minn rappreżentanti mis-27 Membru Stat tal-Unjoni Ewropea, fosthom Malta. Se jkun hemm ukoll rappreżentanza min-Norveġja u din il-ġimgħa se tasal ukoll delegazzjoni żgħira mill-Parlament Ewropew. Irrid nagħmilha ċara mill-bidu nett.

Missjonijiet bħal dawn ma jintbagħtux b’xi inkarigu li huma “l-Pulizija tal-Punent”, jew li jridu jiddettaw u jindaħlu fl-affarijiet interni tal-pajjiż fejn jintbagħtu. Fil-fatt hija l-proċedura tal-Unjoni Ewropea li missjonijiet tagħha jintbagħtu biss jekk tkun saritilha stedina mill-Gvern tal-pajjiż konċernat.

Dan apparti li huwa proċess delikat ħafna, jiswa ħafna flus. Biżżejjed ngħid li l-Missjoni li qiegħed immexxi jien ġiet allokata baġit ta’ €4 miljun.

Huwa għalhekk li ma tistax tintbagħat missjoni simili f’kull pajjiż fejn issir elezzjoni. Il-qofol tal-għan ta’ missjonijiet bħal dawn huwa t-tkattir tad-demokrazija f’pajjiżi fejn għal raġunijiet varji kien ikun hemm instabbilità u anke vjolenza.

L-Unjoni Ewropea temmen li l-ispiża li tkun saret fuq missjonijiet bħal dawn hija investiment b’risq id-demokrazija. Id-demokrazija ma tfissirx biss elezzjoni, iżda elezzjoni ġusta u trasparenti, mingħajr intimidazzjonijiet, xiri ta’ voti u żbilanċ sfaċċat fil-mezzi tax-xandir tal-istat. Jekk wieħed iħares lejn x’ġara fit-Tuneżija u x’qed jiġri fl-Eġittu, malajr jifhem li kieku l-Gvernijiet tagħhom kienu eletti b’mod aktar ġust, b’mod aktar trasparenti, tali gvernijiet kienu jgawdu aktar fiduċja mill-poplu.

Ma kienx ikun hemm il-ħtieġa għal irvellijiet, rivoluzzjonijiet, imwiet, tixrid ta’ demm u ħsara ekonomika tant kbira fiż-żewġ pajjiżi li lanqas biss tażżarda tikkwantifikaha. F’dan il-kuntest, sakemm il-flus li toħroġ l-Unjoni Ewropea jwasslu għal elezzjoni trasparenti, ġusta u bla vjolenza, jitqiesu bħala investiment li jirrendi stabbilità u paċi fir-reġjun.

Ir-reġjun sub-Sahara tal-Afrika ra gwerer kbar li matulhom twettqu atroċitajiet tal-waħx, imwiet ta’ miljuni ta’ nies u miljuni oħrajn jaħarbu minn pajjiżhom u jfittxu kenn ieħor.

Sitwazzjonijiet li fost affarijiet oħra jwasslu għal emigrazzjoni fuq skala kbira sew lejn il-pajjiżi ġirien tagħhom kif ukoll lejn pajjiżi aktar bogħod minnhom, l-aqwa li b’xi mod jeħilsu mill-gwerer u d-dittatorjat. Huwa b’riżultat ta’ dan li pajjiżna daq xi ftit mir-riżultati tas-sitwazzjoni. Qed nirreferi għal wasliet f’pajjiżna ta’ mijiet sostanzjali ta’ immigranti irregolari.

Il-metodu ta’ kif taħdem Missjoni bħal din huwa wieħed rigoruż ħafna. Din tal-Uganda mhux l-ewwel Missjoni tax-xorta tagħha. F’dawn l-aħħar seba’ snin dan il-metodu tħaddem f’45 pajjiż madwar id-dinja kollha. Primarjament jikkonsisti f’team ewlieni, iffurmat minn għaxar esperti f’diversi oqsma, fosthom dawk legali, midja, sigurtà, taħriġ ta’ osservaturi, proċess elettorali u loġistika, liema team jitmexxa mill-Osservatur Ewlieni bl-għajnuna tad-deputat tiegħu.

Fil-każ tal-Uganda, b’po­polazzjoni ta’ madwar 32.5 miljun persuna, qsamna l-pajjiż fi 17-il reġjun komposti minn 112-il distrett. F’kull reġjun hemm grupp ta’ osservaturi, kollha f’kuntatt kontinwu magħna jirrapportaw x’qegħdin josservaw.

Ilhom hemm ġimgħat sħaħ biex b’hekk il-proċess ikun beda tul il-kampanja elettorali, ikomplu f’jum il-votazzjoni u anke wara li jitħabbru r-riżultati. F’pajjiżi bħal dawn issib qasma kbira f’dak li jiġri fl-ibliet u dak li jiġri f’postijiet rurali, villaġġi li jkunu eluf ta’ kilometri bogħod mill-ibliet.

Fil-fatt biex inlaħħqu magħhom fiżikament qegħdin nużaw ajruplani żgħar u flotta ta’ karozzi 4-wheel drive biex inwasslu u nieħdu lura, nies u provvisti. Kif wieħed jistenna l-akbar attenzjoni tkun iffokata fuq il-belt kapitali, fil-każ tagħna Kampala.

U dan huwa ovvju, peress li f’Kampala għandek il-Kummissjoni Elettorali, il-kwartieri ġenerali tal-partiti politiċi, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Oppożizzjoni; il-Qrati; kull xorta ta’ midja; l-Ambaxxati ta’ pajjiżi ewlenin, inkluż tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-għaqdiet non-governattivi.

Sibt ta’ għajnuna kbira, bħala kap ta’ din il-Missjoni, il-konsultazzjonijiet ma’ diversi Ambaxxaturi, għalkemm il-Missjoni tagħna hija indipendenti minn xi interessi li jista’ għandhom pajjjiżi li għandhom ambaxxati hemmhekk. Il-poplu Ugandiż se jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu 24,000 post ta’ votazzjoni fejn jista’ jitfa’ l-vot tiegħu.

Għal jum il-votazzjoni tħejjew erba’ settijiet ta’ mistoqsijiet li jridu jitwieġbu mill-osservaturi tagħna, dwar l-andament tal-ġurnata tal-elezzjoni. Mistoqsijiet li jkopru l-proċess elettorali kollu, sa anke x’kien ġara fil-post tal-votazzjoni. L-għadd tal-voti jsir fl-istess post ta’ votazzjoni fejn ikun twaddab il-vot.

Ir-riżultat jiffirmawh l-uffiċjali elettorali u l-aġenti tal-partiti politiċi parteċipanti u mbagħad jintbagħat lid-Distrett partikolari b’mod elettroniku. Ir-rapport tagħna dwar l-andament tal-proċess elettorali kollu u f’kull stadju tiegħu, ikun maqsum fi tnejn.

Ikun hemm ir-rapport preliminarju, li nħabbru permezz ta’ konferenza stampa f‘lu­kanda ewlenija f’Kampala bejn siegħa u sagħtejn qabel jitħabbar ir-riżultat tal-elezzjoni. Għalkemm huwa rapport preliminarju huwa wieħed kruċjali għax mingħajr ma nkunu influwenzati mir-riżultat tal-elezzjoni, inkunu rridu ngħaddu ġudizzju dwar jekk inħossux li l-proċess kienx validu jew le.

Iridu jgħaddu xahrejn oħra mbagħad biex nerġa’ ninżel l-Uganda u nippreżenta rapport dettaljat b’rakko­mandazz­jo­nijiet lill-awtoritajiet, u l-partiti politiċi u lill-pubbliku. Irrid ngħid li f’sitwazzjonijiet simili kien hemm okkażjonijiet, bħalma kien il-każ tan-Niġerja, fejn il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea ddikjarat li l-proċess tant kien abbużat li r-riżultat li kellu joħroġ ma kellux jiġi rispettat.

Kien hemm imbagħad, għall-kuntrarju, il-każ tal-Kosta tal-Ivorju, bir-rapport jgħid li l-proċess kien wieħed validu u allura r-riżultat kien leġittimu, imma l-partit fil-Gvern ma riedx jaċċettah.

Ftit wara l-wasla tiegħi f’Kampala l-ġimgħa l-oħra, tajt konferenza stampa li matulha sħaqt ħafna dwar l-importanza li ma jkunx hemm vjolenza ta’ kull xorta, la qabel, la waqt u lanqas wara l-elezzjoni. M’għandi l-ebda dubju li r-riskji qegħdin hemm.

Allegazzjonijiet serji hemm ukoll u huma bosta, speċjalment mill-partiti tal-Op­pożizzjoni u mill-għaqdiet non-governattivi.

Wieħed jittama li fl-interess tal-pajjiż, fl-interess tat-tkattir tad-demokrazija, tul dawn il-jiem li ġejjin sa jum il-votazzjoni u wara t-tħabbir tar-riżultat, il-proċess jimxi kif mixtieq.

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *