Mina twila bla xaqq ta’ dawl


Punt kruċjali li wieħed għandu jifhem dwar il-miżuri iebsin li qegħ­din jittieħdu f’numru ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, prinċipalment fil-Greċja, fost­hom it-tnaqqis fil-kun­dizzjonijiet tax-xogħol, it-tnaqqis fil-benefiċċji soċjali, iż-żieda fl-età tal-irtirar u oħrajn, mhumiex qegħdin ikunu determinati b’mod ħieles mill-pajjiż konċernat innifsu.

Lanqas mhuma ġejjin minn xi istituzzjoni bħalma huwa l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF), istituzzjoni internazzjonali u indi­pendenti. Qegħdin ikunu dettati minn Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ewro, partikolarment il-Ġermanja u Franza, li l-aktar li jikkontribwixxu għall-Unjoni Ewropea, u l-pajjiżi Nordiċi. U bir-raġun għax dawn huma l-pajjiżi li lilhom qed jintalab is-self ta’ biljuni kbar ta’ ewro.

Hija sitwazzjoni li qiegħda twassal lill-pajjiżi fil-bżonn, bħalma huma l-Greċ­ja u l-Irlanda, il-Portugall u Spanja, li n-nies tagħhom qegħdin iħossuhom imweġġ­għin li jiddettawlhom x’jagħ­mlu, x’sagrifiċċji jridu jsiru, u b’ironija kbira jsejħu dan il-ġest bħala solidarjetà minn pajjiżi meqjusin bħala sħabhom.

Agħar minn hekk hija s-sitwazzjoni li bħalissa qiegħ­da tidher bħala li dawn il-pajjiżi fi kriżi qegħdin jiddaħħlu f’mina li fit-tarf tagħ­ha mhuma jaraw ebda dawl. Din is-sitwazzjoni ta’ kriżi bil-programmi ta’ ‘bail outs’ u l-miżuri ta’ awsterità u sagrifiċċji jistgħu jibqgħu għaddejjin bihom għal snin twal u ma jafux jekk xi darba joħorġux minnhom. Tali paj­jiżi tpoġġew f’dik li nistgħu nsejħulħa ‘straight jacket’ u ma jistgħux jirrikorru għal mi­żuri b’mod unilaterali, imma jkollhom iħaddmu biss dak li jiddettalhom ħaddie­ħor.

Ħudu u qabblu din is-sitwazz­joni ma’ dik li ġrat l-Arġentina. Meta l-Arġentina waslet f’sitwazzjoni ta’ falliment, kellha tiżvaluta b’rata kbira, kellha tagħmel ftehim mal-IMF u banek oħrajn li lkoll kellhom iġorru biċċa mill-piż billi jirrinunzjaw parti mill-kreditu li għaddew lill-pajjiż, u għalkemm kien hemm tbatijiet kbar mal-poplu Arġentin kollu, is-sitwazzjoni stabbiliet ruħha u l-pajjiż reġa’ għat-triq ta’ tkabbir ekonomiku.

Hu għalħekk li s-sitwazzjoni fiż-Żona Ewro qiegħda toħloq tħassib kbir fl-Unjoni Ewropea kollha. U titħasseb bir-raġun, aktar u aktar meta tiżviluppa xi storja bħal dik tal-Portugall. Kobba mħabbla li ma ssolvitx bil-bidla fil-Gvern fl-elezzjonijiet ta’ ftit jiem ilu.

Il-Portugall kellu Gvern Soċjalista li rrikorra għal miżuri xejn popolari, miżuri ta’ sagrifiċċji li kienu meħtieġa biex seta’ jingħata l-għajnuna finanzjarja bit-tama li ssalvah. Programm ta’ mi­żuri ta’ awsterità proposti mill-Unjoni Ewropea. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jose Barroso, Portugiż, ġej mill-istess partit konservattiv li fil-Parlament Portugiż kien strumentali biex ma ġiex approvat il-pjan imfassal mill-Gvern Soċjalista abbażi ta’ dak mitlub mill-Unjoni Ewropea. Il-Gvern Soċjalista ġie sfiduċjat u ssejħet Elezzjoni Ġenerali bikrija li l-Partit Soċjalista tilef.

Il-partit li lilu jappartjeni Barroso issa jinsab fit-tmexxija tal-pajjiż. Ma jfissirx li tneħħew il-kundizzjonijiet li kien hemm u li kawża tagħhom tneħħa mill-poter Gvern Soċjalista. Il-kundizzjonijiet mhux se jinbidlu, anzi jidhru li se jiħraxu, u rridu naraw x’se jiġri. Fl-aħħar mill-aħħar il-poplu Portugiż forsi jirrassenja ruħu li m’hemmx triq oħra ħlief li jsiru r-riformi u l-qtugħ li qed titlob l-Unjoni Ewropea.

Mhux faċli tlum poplu li jbiddel amministrazzjoni ta’ pajjiż li tkun ġiet assoċjata mas-sagrifiċċji. Il-poplu jipp­rova u jittama li bidla f’amministrazzjoni tkun tfis­ser mod ieħor. Mhux dejjem isir hekk.

Imma mbagħad wieħed għad irid jara li meta l-poplu jirrassenja ruħu li anke billi bidlu l-amministrazzjoni tal-pajjiż il-problemi baqgħu hemm, ir-rota ddur dawra sħiħa u jerġgħu jibdew il-protesti li din id-darba jkunu indirizzati lejn l-Unjoni Ewropea. U dan qed jiġri. Il-protesti u l-okkupazzjoni ta’ pjazez Spanjoli per eżempju, jirriflettu dan kollu. Dan iġibni lura għas-sigħat twal ta’ diskussjoni kuljum il-ġimgħa l-oħra fi Strasbourg dwar il-Pakkett ta’ Governanza Ekonomika.

Laqgħat trilogi – il-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Ministri u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) għall-Parlament Ewropew. F’dawn il-laqgħat nifforma parti minn tim ta’ għaxar Membri Parlamentari li qegħdin jinnegozjaw f’isem il-Parlament Ewropew. Negoz­jar kontinwu fuq paragrafu paragrafu, u f’ħinijiet minn­hom anke kelma b’kelma. Fis-sens li qegħdin nagħrblu l-proċeduri li se jkunu qegħdin jitwettqu meta l-Pakkett ikun approvat. Il-mira hija li dan ikun sar qabel il-plenarja li jmiss. Huwa għalhekk li qegħdin niltaqgħu kuljum u kull ħin għax żmien mhemmx.

Hemm diversi punti li fuqhom ġie rreġistrat nuqqas kbir ta’ qbil. Fosthom il-mod kif u min għandu jieħu d-deċiżjoni li jkunu imposti sanzjonijiet li anke dwar uħud minnhom għad m’hemm ebda ftehim.

Għandhom ikunu l-pajjiżi l-kbar li mhumiex taħt sanzjonijiet li jiddeterminaw x’sanzjonijiet jiġu imposti fuq pajjiżi diġà fi problemi? Min, u kif għandu jiddeċiedi x’forma ta’ sanzjonijiet ikun hemm? Xi kwalità ta’ pieni għandhom ikunu imposti? Hemm proposti pieni li jvar­jaw minn nofs perċentwal sa perċentwal tal-Prodott Gross Domestiku. Kieku kellna nieħ­du eżempju fuq pajjiżna dan ikun ifisser minn €30 sa €60 miljun. Fil-każ ta’ Spanja jkun ifisser €5.25 biljun. Pajjiż li jkun diġà mgħaffeġ kif se jħallas pieni bħal dawn?

Huwa veru li qabel ikunu imposti tali pieni l-pajjiż konċernat ikun twiddeb għal darba, darbtejn u forsi tlieta u allura jkun qisu ma tax widen. Imma anke hawn wieħed irid jara jekk il-pajjiż konċernat kienx possibbli għalih li “jagħ­ti widen.” Eżempju tipiku: il-Greċja bħalissa. Kemm hu possibbli tagħmel aktar milli qed tagħmel? Kemm hi fles­sibbli biex tobdi u ma jkollhiex dawn is-sanzjonijiet imposti fuqha jekk ’il quddiem dawn jidħlu fis-seħħ?

Hu għalhekk, u bir-raġun, li l-Partiti Soċjalisti Ewropej u t-trejdunjins qegħdin jopponu bl-aħrax dan il-Pakkett kif inhu llum. Jopponuh għax mhux joffri xi tama ta’ ħolqien tax-xogħol. Ma joħ­loqx investiment. Ma joħ­loqx tkabbir ekonomiku. Kif jista’ pajjiż joħroġ mill-problemi jekk flok għodda biex jaħdem isib imposti fuqu affarijiet bħal dawn?

S’issa għad mhemm xejn miktub bl-iswed fuq l-abjad. Hemm possibilitajiet ta’ komp­romessi bejna u l-gruppi politiċi l-oħrajn u aħna u l-kunsill. Nistennew x’se jkun ir-riżultat ta’ dan il-proċess twil u iebes. Stennija li qegħdin nagħmluha fi żmien diffiċli li s’issa qatt ma kienet esperjenzat iż-Żona Ewro.

l-orizzont – It-Tnejn 13 ta’ Gunju 2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *