Mario Draghi


Mario Draghi, sal-lum Gvernatur tal-Bank Ċentrali tal-Ital­ja, mill-1 ta’ Novembru li ġej, se jkun il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew għal terminu ta’ tmien snin, sal-aħ­ħar ta’ Ottubru, 2019. Għall-punt ta’ preċiżjoni rrid ngħid li din il-kariga, trid tkun approvata b’vot mill-Parlament Ewropew nhar il-Ġimgħa li ġej u l-approvazzjoni finali mill-mexxejja tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li se jkunu qegħdin jiltaqgħu f’sum­­­mit fi Brussels nhar il-Ġimgħa wkoll.

Draghi se jkun qed jieħu post il-President attwali Jean-Claude Trichet li issa se jagħ­laqlu t-terminu. Attwalment xi xhur ilu kien mistenni li din il-kariga tingħata lill-Gver­natur tal-Bank Ċentrali Ġerma­niż, Axel Weber, imma b’sor­priża għal kulħadd u xokk kbir għal Merkel dan kien iddikjara li mhux biħsiebu jikkontesta.

Draghi għandu kredenzjali tajbin ħafna. Gradwa fl-ekonomija mill-Università La Sapienza ta’ Ruma u kiseb Dottorat fl-Ekonomija mill-Istitut tat-Teknoloġija ta’ Massachusetts, dik li nirreferu għaliha bħala l-M.I.T. taħt is-super­viż­joni tar-rebbieħa tal-Premju Nobel Franco Modigliani u Robert Solow.

Ilu jokkupa l-kariga ta’ Gver­natur tal-Bank Ċentrali Taljan għal dawn l-aħħar ħames snin. F’April tal-2006, inħatar Ċermen tal-Financial Stability Forum, li tliet snin wara sar il-Financial Stability Board, li twaqqaf mill-G20 biex jissorvelja u jirrapporta u jirrakkomanda regolamenti li jappar­tjenu l-istabbilità finanzjarja globali. Huwa membru tal-Kunsill Ġenerali tal-Bank Ċen­trali Ewropew li tiegħu issa se jkun il-President u membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank for International Settlements. Jirrappreżenta lill-Italja fuq il-Bord tad-Diretturi tal-Bank Internazzjonali għar-Rikos­truzz­­joni u l-Iżvilupp u fl-Asian Development Fund. Bejn l-1984 u l-1990, kien id-Direttur Eżekuttiv tal-Bank Dinji. Fit-tliet snin ta’ bejn l-2002 u l-2005, kien Viċi Ċermen u Direttur Maniġerjali tal-Bank ta’ Investiment Ame­ri­kan Gold­­man Sachs International.

Din l-aħħar kredenzjali ġġib­ni għas-sessjoni ta’ sagħtejn sħaħ ta’ mistoqsijiet u tweġibiet li Mario Draghi kellu mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew, li tie­għu jiena Viċi-President, nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra u li fi tmiemha ħadna vot fuq il-kandidatura tiegħu.

Irbatt il-kariga li Draghi kellu ma’ Goldman Sachs International peress li dan kien suġ­ġett li dwaru kien mistoqsi ħafna mis-Soċjalisti Francizi peress li din l-istituzzjoni kie­net fost il-konsulenti tal-Gvern Konservattiv Grieg li rnexxielu jaħbi l-ammont veru tad-dejn li kellha l-Greċja, ħabi li sar mhux biss mill-poplu Grieg, imma wkoll mill-Unjoni Ewropea u li issa qed ikollu jiffaċċjah Gvern Soċjalista.

Ċirkostanzi li parti mill-attentat biex tinħareġ mis-sitwazzjoni prekarja li tinsab fiha l-Greċja qed jagħmilha l-Bank Ċentrali Ewropew, li allura se jkun taħt it-tmexxija ta’ Draghi.

U allura ovvji l-mistoqsijiet lil Draghi dwar safejn seta’ kien imdaħħal, jekk kien imdaħħal, fil-kwistjoni dwar pa­riri lill-Gvern preċedenti Grieg. Huwa ta risposti sodisfaċenti għalkemm dojoq ħafna bħalma wieħed jistenna minn bankier.

Fi tmiem is-sessjoni tajna l-ġudizzju tagħna. Draghi ġie approvat b’vot qawwi. Kiseb 33 vot favur, tnejn kienu kontra u kien hemm erba’ astensjo­nijiet.

Minn issa ’l quddiem? Ċertament li mhux se jkun xejn ward u żahar għal Draghi. Lanqas mhu se jsib skrivanija “nadifa” u ħielsa mill-problemi. Tricht mhux se jħalli ba­ħar kalm warajh. Anzi. Draghi se jitla’ abbord vapur li qiegħed f’maltempata u maltempata kbira. Maltempata li tinsab fiha ż-Żona Ewro.

Il-Presidenza tal-Bank Ċentrali Ewropew hija kariga importanti ħafna għaż-Żona Ewro. Il-Bank Ċentrali Ewro­pew ma jitrattax biss l-aspett finanzjarju u ekonomiku, għal­kemm dan huwa l-aspett primarju ta’ din l-istituzzjoni. Miegħu jġorr ukoll l-aspett politiku.

Il-kwalitajiet u l-kapaċitajiet ta’ Draghi se jitpoġġew taħt prova sa mill-ewwel ġurnata tiegħu fl-uffiċċju. Dan peress li l-Bank Ċentrali Ewropew jin­sab fil-qalba ta’ problema li ż-Żona Ewro daħlet fiha, qiegħ­da fiha u għadu mhux magħ­ruf kif se toħroġ minnha. Is-soluzzjonijiet proposti ma tantx huma sbieħ. Anzi. Tħa­res mnejn tħares lejhom, tarahom, u huma koroh.

Nieħdu l-każ tal-Greċja, każ attwali. Dik li qiegħda tissej-jaħ soluzzjoni għall-kriżi Grie­ga l-piż tagħha jrid iġorru xiħadd. Ma tantx hemm fejn tmur. Jew titfa’ l-piż kollu fuq il-poplu Grieg, kif qed isir bħa­lissa, jew tgħaddi parti minnu fuq ħaddieħor, fuq min daħal biex jislef lill-Greċja.

Mhux daqstant faċli tkompli tgħabbi poplu diġà mifluġ bil-piż. Huwa għalhekk li jsiru l-protesti bħal dawk li issa ilhom għaddejjin bihom il-Griegi. Protesti li finalment jistgħu jwasslu għal riżenja ta’ Gvern bil-poplu jerġa’ jintalab jagħżel lil min imexxih u fuq liema mandat.

Is-soluzzjoni l-oħra hija r-ristrutturar tad-dejn, b’min qed isellef iġorr parti minn dan il-piż hu. Il-President att­wali tal-Bank Ċentrali Ewro­pew, Trichet, ma jaqbilx ma’ dan. Wieħed forsi jasal biex jifhem il-pożizzjoni ta’ Tric­het, għax fl-opinjoni tiegħu jista’ jkun hemm il-biża’ li tinħoloq instabbiltà kbira fil-banek li mhumiex kapitalizzati biżżejjed biex jifilħu għal dan il-falliment, żgħir kemm hu żgħir jew kbir kemm hu kbir fuq is-self li għamlu lill-Greċja. Jidher li Franza hija esposta aktar mill-Ġermanja u allura għandha x’titlef iżjed. Għalhekk Sarkozy qiegħed jikkonvinċi lil Merkel biex din l-għajnuna ssir b’mod volontarju.

L-Unjoni Ewropea, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Ċentrali Ewropew qegħ­din jippressaw lill-Gvern u lill-Oppożizzjoni Griega biex isibu qbil bejniethom dwar il-punti ewlenin ta’ ftehim li permezz tiegħu jingħataw għaj­nuna għat-tieni darba. Ma jidhirx li huwa daqstant faċli lanqas li jsir hekk. Ghalhekk se ssir ‘reshufle’ fil-kabinett biex tissaħħaħ id il-Gvern minn forzi opposti ta’ ġew-wa.

Qed nikteb dan biex nagħti idea tat-tip ta’ baħar li se jidħol fih Draghi. Baħar li jitlob imħuħ u kapaċitajiet kbar biex tikkonfronta kriżi bħal dik li tinsab fih iż-Żona Ewro.

Ċertament li fost dak li qed ikun analizzat bħalissa huwa x’jistgħu jkunu d-differenzi fil-mod kif jaħdem Trichet u l-mod ta’ Draghi.

Huwa fatt magħruf li Trichet huwa politiku u diplomatiku magħruf. Huwa minnu li l-Bank Ċentrali Ewropew huwa istituzzjoni indipendenti im­ma l-ambjent politiku li tkun fih mhux faċli jkun injorat.

Nieħdu attwalità. Il-mira ew­lenija tal-Bank Ċentrali Ew­ropew hija li tkun kumbattuta l-inflazzjoni. Mira li imponiet­ha l-Ġermanja. Il-Ġermaniżi jitwerwru mill-kelma inflazzjoni. Tali mira ġiet aċċettata mill-Unjoni Ewropea bħala l-unika mira li għandu jkollu l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Mario Draghi huwa differenti. Teknokratiku. L-abjad abjad, l-iswed iswed. Li hu dritt jgħidu. Mhux meqjus li għandu d-diplomazija li għan­du Trichett, għalkemm maż-żmien jirkeb din id-differenza. L-isfond li ġej minnu, inkluż il-fatt li ħadem mal-Gvern Taljan, kien il-Kap tat-Teżor għal għaxar snin u ħadem ma’ Romano Prodi. Il-politika u l-kriżijiet ekonomiċi midħla tagħhom sew.

M’hemm ebda dubju li Draghi se jkun qed jidħol bir-ras biex jgħin jinstabu rimedji għall-kriżijiet li qiegħda tiffaċċ­ja ż-Żona Ewro. Fil-Parlament Ewropew aħna tlabnih biex jikkopera magħna bħalma għamel ta’ qablu, ħalli dawn ir-rimedji jinstabu. Sa­da­nittant bħala Maltin u membri taż-Żona Ewro nkomplu nosservaw din is-saga tiżvol­ġi.

l-orizzont 20-06-2011


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *