Qegħdin jipproponu li “f’ċirkostanzi eċċezzjonali” bħal dawk li seħħew ikunu jistgħu jitħaddmu ċerti kontrolli.
Il-verità hi li l-pożizzjoni aggressiva li ħadu ż-żewġ mexxejja ġirien ittieħdet biss biex jidhru aggressivi f’għajnejn il-votanti tagħhom minħabba li t-tnejn huma mhedda politikament minn partiti tal-lemin estrem, mil-Lega Nord fil-każ ta’ Berlusconi u minn Marie Le Pen tal-Front Nazzjonali fil-każ ta’ Sarkozy. It-tnejn jinsabu taħt pressjoni. Il-Gvern ta’ Berlusconi jiddependi bis-sħih fuq l-appoġġ tal-Lega Nord. Min-naħa tiegħu Sarkozy qed jara tikber ħafna l-popolarità tal-Front Nazzjonali tal-lemin estrem, meta l-elezzjonijiet presidenzjali jinsabu bieb u għatba, is-sena li ġejja.
Sew il-Lega u l-Front huma magħrufin għall-politika anti-immigranti tagħhom. Wieħed m’għandux jinsa li b’riżultat tal-kriżi ekonomika internazzjonali rajna ċaqliq lejn il-lemin estrem, xenofobja liema bħala, u nuqqas ta’ solidarjetà f’kull qasam, inkluż dak ekonomiku. Ħarsu wkoll x’ġara fil-Finlandja dan l-aħħar.
Deher li kien il-mument opportun biex kemm Berlusconi kif ukoll Sarkozy juru dak li l-Ingliżi jiddeskrivuh bħala “we mean business” u allura ħadu pożizzjoni fir-rigward tal-immigrazzjoni irregolari.
Kien interessanti wkoll il-fatt li wara l-laqgħa paċifika ta’ Ruma Sarkozy wera l-appoġġ tiegħu għall-kandidat Taljan, Mario Draghi, għall-presidenza tal-Bank Ċentrali Ewropew, ħatra li trid issir f’Ġunju li ġej. Appoġġ li taffa xi ftit ir-rabja Taljana għall-fatt li kumpanija Franċiża, Groupe Lactalis, kienet qed tipprova tixtri u tieħu f’idejha kumpanija kbira Taljana (www.bloomberg.com/apps/quote?ticker=PLT:IM\o “Get Quote” Parmalat SpA.) Mhux ta’ b’xejn raw kif mewtu malajr il-kwistjoni li dehret insormontabbli li ħolqu bejniethom. Iż-żewġ pajjiżi għandhom ħafna x’jiggwadanjaw jekk jaħdmu qrib xulxin.
Bħala Maltin dawn il-ġrajjiet m’għandhomx jaljenawna. L-immigranti Tuneżini li qasmu u għadhom jaqsmu lejn Lampedusa fil-maġġoranza tagħhom mhux qed jaħarbu mill-ebda gwerra, mhumiex refuġjati u għalhekk jistgħu jintbagħtu lura mingħajr ħafna teatrini bħalma rajna l-ewwel fuq Lampedusa u wara f’Ventimiglia.
Li Malta għandha bżonn hi soluzzjoni permanenti għall-immigrazzjoni ta’ refuġjati li jitolbuna ażil. Taħt is-sistema preżenti dawn ma jistgħux jintbagħtu lura u għalhekk joħolqu problema meta dawn jaslu f’numri kbar kif wieħed jistenna li jista’ jiġri jekk u meta tieqaf il-gwerra ċivili fil-Libja.
Biss biss illum għalkemm għadha ma ntemmitx il-gwerra fil-Libja diġà hemm nofs miljun ruħ refuġjat fuq il-fruntieri mal-Eġittu u t-Tuneżija rispettivament.
Huwa hawn li l-aktar li jolqot lil pajjiżna. Huwa hawn li rridu naraw jitħaddem fil-veru sens tal-kelma l-prinċipju tas-solidarjetà. Sfortunatament mhux narawh jitħaddem wisq tali prinċipju, speċjalment mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li mingħandhom nistennew dan bi dritt.
U la darba dan mhux qed isir, x’għandu jsir? Għandna nibqgħu nittamaw li b’mod volontarju jkun hemm xi pajjiż jagħmlilna pjaċir u jieħu ftit immigranti? Għandna nkomplu nittamaw li jkun applikat il-prinċipju tas-solidarjetà?
F’nofs il-ġimgħa l-oħra attendejt għal dibattitu/diskussjoni dwar l-immigrazzjoni kkawżata minn dak li għaddejja minnu bħalissa l-Libja. Dan t’hawn fuq issemma kollu u għalhekk intervenejt u għidt li l-pożizzjoni politika fil-konfront tal-immigrazzjoni irregolari lejn pajjiżna għandha timxi fuq il-prinċipju li m’għandniex inkunu dgħajfin ma’ min hu b’saħħtu u b’saħħitna ma’ min hu dgħajjef.
F’dan il-kuntest għalkemm wieħed jifhem il-pożizzjoni ta’ pajjiżna dwar politika ta’ dentenzjoni m’għandu jkun aċċettat qatt li fiċ-ċentri ta’ detenzjoni, irrelevanti jekk hux ċentri miftuħin jew magħluqin, ikun hemm kundizzjonijiet inumani. Li rajt jien personalment f’Diċembru li għadda fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Marsa kien degradanti, tal-mistħija u jirrendina li qegħdin “inkunu b’saħħitna ma’ min hu dgħajjef”.
Min-naħa l-oħra fil-konfront ta’ pajjiżi kbar fl-Unjoni Ewropea m’għandnix inkunu dgħajfin. M’għandniex noqogħdu lura milli nużaw lingwaġġ iebes. M’għandix inżommu lura milli nieħdu azzjoni determinanti, sakemm dan iwassal għal riżultati mixtiqin bla ma jkunu ta’ detriment għall-immigrant irregolari li diġà qiegħed mgħaffeġ f’din it-traġedja umana.
Dan kollu jrid jitqies fid-dawl tal-fatt li l-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari minħabba dak li għaddejja minnu l-Libja għadha ma mmaturatx kompletament. Ikun x’ikun ir-riżultat tas-sitwazzjoni Libjana, huwa mistenni li jkun hemm esodu kbir ta’ eluf ta’ nies.
Huwa għal dan l-esodu li rridu nkunu ppreparati. Huwa għal din l-eventwalità li jrid jilqa’ pajjiżna u jisħaq mal-Unjoni Ewropea biex il-prinċipju tas-solidarjetà ssarrfu f’xi ħaġa tanġibbli u mhux tpaċpiċ biss.
Franza u l-Italja jridu li jkollhom spazju għal manuvrar, għal azzjoni unilaterali biex jagħlqu l-fruntieri f’każ ta’ diffikultajiet eċċezzjonali. Appellaw lill-Unjoni Ewropea biex tipprepara bil-quddiem għall-eventwalità ta’ esodu mil-Libja.
Il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa se tipproponi x’tifhem hi b’diffikultajiet eċċezzjonali biex ikunu jistgħu jittellgħu l-fruntieri temporanjament. X’validità fadallu l-Ftehim Schengen li fl-1985 waqqa’ l-fruntieri bejn bosta pajjizi tal-Unjoni Ewropea, in-Norveġja, Żvizzera u l-Islanda, ftehim meqjus bħala pilastru għal skop ta’ integrazzjoni bażata fuq is-solidarjetà u l-fiduċja bejn il-pajjiżi membri? Dawn il-mistoqsijiet iridu jiġu diskussi u mwieġba mill-Ministri tal-Intern tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta’ dan ix-xahar. Hi sitwazzjoni li titlob li nkunu front wieħed. Magħqudin. Hija okkażjoni li tista’ sservi għal insistenza qawwija biex il-piż jinqasam b’mod konkret u ma jkunx jiddependi fuq volontarjat. Huwa l-waqt li ma nkunux dgħajfin ma’ min hu b’saħħtu.