Laqgħa mal-komunità Maltija f’Toronto


Ħadt l-okkażjoni biex fi triqti lejn Washington għal-laqgħa tal-Fond Monetarju Internazzjonali u tal-Bank Dinji ta’ tmiem il-ġimgħa li għaddiet, inżur il-komunità Mal­tija f’Toronto. Kienet ok­każ­joni li ġabitli nostalġija u li ħaditni lura għas-snin 70 u 80 meta kont qed nistudja hemmhekk.
Ħadt gost immens bil-laqgħa li kelli mal-komunità Maltija, laqgħa li saret fil-post tal-Malta Band Club, grazzi għall-ħidma ta’ ħabib antik tiegħi, Frank Attard, b’kollabo­razzjoni ma’ Emmanuel Ciappara li huwa r-rappreżentant tal-BOV f’To­ron­to.
Jiżbalja min jaħseb li Maltin u Għawdxin emigrati f’postijiet bħal Toronto ma jibqgħux interessati daqstant f’dak li jkun qiegħed jiġri f’Malta u Għawdex. Mhux biss għax ikollhom membri tal-familji tagħhom hawnhekk. L-udjenza numeruża li kien hemm uriet interess kbir fil-preżentazzjoni li għamiltilhom dwar kif jaħdem il-Parlament Ewropew, speċjalment fejn jirrigwarda teħid ta’ deċiżjonijiet id f’id mal-Kunsill tal-Ministri u x’tip ta’ negozjar isir fejn ma jkunx hemm qbil. Staqsew ħafna wkoll dwar kif issir il-votazzjoni fi Strasburgu.
Fehmu li mhux faċli għad-delegazzjoni Maltija li s’issa għandha ħames Membri Parlamentari Maltin u li nitta­maw li ma jdumux  li jkunu sitta, li jlaħħqu mal-20 kumitat.
Meta ttrattajt il-problemi kbar li qiegħda tiffaċċja bħalissa ż-Żona Ewro, ħassejt li fost l-udjenza kien hemm xettiċiżmu mhux ħażin dwar kemm iż-Żona Ewro se jirnex­xilha toħroġ mill-kriżi ekonomika u kemm se jirnexxilha ssib rimedji. Xettiċiżmu li deher ċar li huwa influwenzat mill-midja Kanadiża u Amerikana.
Jidher li għalihom l-eħfef soluzzjoni hija l-ħruġ tal-Greċja miż-Żona Ewro u magħ­ha forsi wkoll il-Portugall. Fissirtilhom li ħaġa bħal din mhijiex faċli daqs l-impressjoni li tista’ ssir. Dehru li ma kinux qegħdin jieħdu inkonsiderazzjoni li jekk il-Greċja toħroġ miż-Żona Ewro tiġbed magħha lill-banek, bl-effett ikun bħal meta tinfirex marda, jittieħdu minnha pajjiżi oħrajn u jistgħu jkunu affett­wati wkoll il-Kanada u l-Amerika.
Ovvjament ma naqsux il-mistoqsijiet dwar ix-xena pura­ment lokali, ix-xena f’Malta u Għawdex. Mistoqsijiet li kkon­fer­mawli li l-komunità Maltija u Għawdxija f’Toronto għad­ha tinteressa ruħħa b’mod qawwi f’dak kollu li jolqotna. Stajt nosserva faċilment li permeżż tat-teknoloġija tal-lum il-komunità Maltija ta’ Toronto żżomm ruħħa aġġornata ferm aktar minn meta kont hemmhekk jien.
Mill-ġdid nirringrazzja lill-organizzaturi tal-laqgħa ferm sabiħa u sodisfaċenti li kelli.

l-orizzont – It-Tnejn, 26 ta’ Settembru, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *