L-Istorja tal-Milied u l-Immigranti Irregolari


Għaddew il-festi u bdiet is-sena l-ġdida. Nistgħu ngħidu li kellna festi tajba bħala pajjiż b’konsum ferm ikbar mis-soltu.

Madankollu ħaġa morra kellna wkoll matul dawn il-festi. Din kienet il-kwistjoni tal-immigranti fuq żewġ vapuri li daħħalnihom jistkennu fl-ibħra Maltin. Aħna l-Maltin tgħajnihom il-protezzjoni. Madankollu xorta waħda hi ironija kbira li fil-Milied fejn nirrakontaw l-istorja ta’ Ġesu Bambin li ħadd ma sablu fejn joqgħod, elfejn sena wara 49 persuna bejn sema u ilma l-Ewropa kollha, l-Ewropa sinjura ma sabitilomx fejn joqgħodu lejliet il-Milied.

Filfatt fil-messaġġ tiegħu l-Papa tkellem dwar din il-kwistjoni, u anke l-Knisja Maltija għamlet dan u anke ndirizzat kif għandu jkun il-messaġġ lejn l-Ewropa sħiħa. Tajjeb li niftakru wkoll li fil-ġranet tal-Milied aħna tgħajna kenn lil 250 immigrant ieħor li kienu fil-periklu kbir fl-ibħra Maltin għax ħassejna li dak hu dmir tagħna. Filfatt ġibnihom f’darna. B’arranġament dawn il-persuni jibdew jiċċaqalqu lejn pajjiżi oħra Ewropej u jinqassmu kif xieraq skond ftehim ma xi ftit pajjiżi. Hemm numru ta’ pajjiżi li wkoll ma jridux jisimgħu u bl-ebda mod ma jridu immigranti f’pajjiżhom. Din il-kwistjoni qed tikber mhux biss fl-Ewropa iżda anke fid-dinja.

Nieħdu l-Awstralja, pajjiż li twieled u sar pajjiż minn fuq l-immigranti fosthom Maltin li emigraw l’ hemmhekk. Illum f’dan il-pajjiż qed ikun hemm protesti dwar l-immigranti irregolari. Fl-Awstralja bħal pajjiżi oħra qed jinqalaw movimenti, bħal ma kont għidt drabi oħra popolisti u tal-lemin estrem, bis-salut tan-nazi eċċ. F’dawn il-pajjiżi dawn il-movimenti huma kontra l-immigranti speċjalment irregolari.

Fl-Amerka wkoll waqt il-festi tal-Milied rajna kjass kbir fil-kungress bejn id-Demokratiċi Amerikani li jridu jgħaddu liġi tal-Gvern biex jiġi aċċettat għas-sena dieħla u l-President Donald Trump qed jimpika u mhux lest jiffirma dak il-baġit.

Jekk Trump ma jiffirmax, il-baġit ma jiġix approvat u dan qed jagħmlu għax il-baġit ma jinkludix il-ħajt bejn l-Amerka u l-Messiku li jiswa l-biljuni ta’ dollari. Trump irid jagħmlu biex jissodisfa l-wegħda tiegħu li jibni ħajt li jżomm l-immigranti barr. Għalhekk wieħed ma jistax ma jinnutax li din il-kwistjoni tal-immigrazzjoni qed tinfirex mad-dinja kollha, nkuż l-Ewropa, l-Amerka, l-Awstralja, l-Ġappun u oħrajn. Issa jekk l-immigrazzjoni hijiex kawża tal-popoliżmu jew inkella l-popoliżmu hux riżultat tal-immigrazjoni wieħed jista’ joqgħod jiddibati. Madankollu ejja nitkellmu fuq il-kwistjoni ta’ Malta.

Malta għamlet il-pożizzjoni tagħha ċara li fejn jidħlu l-ibħra Maltin u jkun hemm in-nies fil-periklu fuqu, aħna fid-dmir tagħna li nsalvawhom.

Iżda bħala pajjiż żgħir nistennew li l-Unjoni Ewropeja tgħina, bħal ma aħna dejjem għina pajjiżi oħra fi problemi ta’ kriżijiet finanzjarji fi spirtu ta’ solidarjeta’. Nistennew issa li l-istess spirtu ta’ solidarjeta’ ukoll jintwera lejn pajjiżna b’hekk tqassam il-piż tal-immigrazzjoni. Dan ma jfissirx li meta għandek bċejjeċ tal-baħar qrib l-Italja jew inkella qrib il-gżejjer Taljani, għax għandek partit popolista fil-gvern li jipprova jibbulja pajjiż żgħir bħal tagħna għandna nċedu għaliha.

Għandna dritt li nieqfu u ngħidu l-verita’. Hemm ukoll l-kwistjoni tal-NGOs, li jiġbru l-flus b’mod volontarju, u bihom imexxu dgħajjes kbar biex isalvaw l-immigranti. Wieħed ma jistax ma jaqbilx li wieħed isalva lil xi ħadd mill-għarqa u l-mewt, għax hi xi ħaġa tajba. Iżda meta dan issir b’mod mhux organizzat, indipendentment mill-awtoritajiet sew Libjani u anke Ewropej u tgħamel ta’ rasek, tkun qed tinkoraġixxi influs kbir ta’ immigranti mill-Afrika. L-Afrika għandha 55 stat, hija pajjiż kbir u fi bżonnijiet kbar u hemm bżonn ta’ investiment u għajnuna lil dan il-kontinent, iżda jekk int tistennijom barra l-kosta Afrikana biex issalvahom qisek qed twasslilom messaġ li int se ġġorhom lejn l-Ewropa.

Il-problema hi li ħadd ma jista’ jagħti garanzija li jsalva lil kulħadd u għalhekk tkun qed tinkuraġixxi lil persuni biex jemigraw u li jieħdu sogru kbir għal ħajjithom u jispiċċaw jgħergħu. Għalhekk l-NGOs huma żbaljati f’dan ir-rigward għaliex qed jagħmlu dan mhux b’koperazzjoni mal-Unjoni Ewropeja u lanqas ma’ l-awtoirtajiet Libjana. Għalkemm f’għajnejn in-nies jidhru li l-ġest tagħhom hu li jgħinu, pero fuq medda itwal ta’ żmien qed ikomlu jarqgħu  s-sitwazzjoni u qegħdin jipperikulaw ħajjet in-nies li setgħu jibqaw f’pajjiżhom.

F’dan ir-rigward l-Unjoni Ewropeja ħaditha d-deċiżjoni, u qalet li dawn l-għaqdiet ma għandhomx jiġu inkoraġiti li jkomplu joperaw għax jekk se jkomplu b’dan il-mudell mhux qed jgħinu s-sitwazzjoni.

Dwar id-dewmien biex tissolva s-sitwazzjoni tad-49 immigrant, jista’ jkun li waqt il-vaganzi tal-Miliedd u l-Ewwel tas-Sena ħafna jkunu mhux fl-uffiċju tagħhom u allura d-deċiżjoni biex jiftehmu ħadet iktar żmien. Hemm ukoll problema li Franza qed naraw ukoll il-protesti li qed issiru, qed naraw il-Ġermanja li ukoll qed tiffaċja din il-problema tal-individwi li qegħdin jorganizzaw ruħhom bit-twemmin tan-nażżizmu, jiġifieri qegħdin f’sitwazzjoni diffiċli. Ħafna gvernijiet jixtiequ jgħinu lill-immigranti pero jibżgħu li jitilfu l-fiduċja tal-poplu u jkun qed jagħtu iktar ruħ, aktar ossiġnu lil dawn il-partiti u gruppi tal-lemin estrem.

Nisperaw li s-sena 2019 twassal biex dawn il-kwistjonijiet jiġu riżolti. Se tkun sena diffiċli għal gvernijiet demokratiċi, tan-nofs, għax jekk mhux se jsibu s-soluzzjonijiet iżda se jagħtu iżjed riħ lil dawn il-pajjiżi popolisti li mhux qegħdin biss fl-Ewropa, iżd fl-Amerka u anke pajjiżi ‘l bogħod bħal l-Awstralja u l-Ġappun.

Il-Ġimgħa 11 ta’ Jannar 2019


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *