L-GĦOXRIN ANNIVERSARJU TAL-MUNITA EWRO


Din il-ġimgħa l-Unjoni Ewropeja ċċelebrat l-għoxrin sena mit-twaqqif tal-munita Ewro, li jużawha dsatax -il pajjiż ewropew inkluż Malta. Sadanittant, f’pajjiżna din is-sena ċċelebrajna l-għaxar anniversarju minn meta daħħalna din il-munita, lura fl-2008.

F’dawn l-għoxrin sena ma kienx kollox ward u żahar għal fatt li kien hemm fejn l-munita għaddiet minn kriżijiet. Dan għall-fatt li wieħed jista’ jgħid li l-qafas għadu mhux komplut, u ħafna mid-diskussjonijiet bejn il-Ministri għall-Finanzi taż-żona Ewro, il-‘Eurogroup’, ikunu sabiex naraw kif ser insaħħu dan il-qafas. Xi ħaġa li ma hi faċli xejn.

Matul din il-ġimgħa d-diskussjonijiet tal-Ministri taż-żona Ewro ffukaw fuq kif ser inkomplu nsaħħu l-munita u nemmen li sar progress kbir ikkumparat ma’ drabi oħra. Il-laqgħa bdiet għal ħabta tas-siegħa ta’ wara nofs in-nharu baqgħet sejra sat-tmienja ta’ filgħodu tal-ġurnata ta’ wara u li kienet isegwi laqgħa oħra tal-Kunsill tal-Ministri tal-Finanzi. B’responsabilita’ ngħid li Malta gwadanjat minn dawn il-laqgħat, apparti li ġew protetti l-interessi ta’ pajjiżna.

Mill-laqgħat ħareġ kif il-banek fil-pajjiżi ż-żgħir bħal Malta mhux mistennija jġorru l-piżijiet li jġorru banek globali u ġganti. Dan hekk kif mhux kull ħaġa li l-Unjoni Ewropeja titlob lil banek il-kbar, ser tintalab lil banek iż-żgħir.

Suġġett ieħor diskuss waqt dawn il-laqgħat kien dak tat-taxxa diġitali, fejn Malta  rnexxielha tara li dawk il-pajjiżi li kienu qegħdin jimbutaw xi ħaġa li fl-opinjoni ta’ pajjiżna ma kienetx xi ħaġa għaqlija żammew pass lura u aċċettaw li jagħmlu proposta ġdida. Aħna naqblu li l-kumpaniji l-kbar ma għandhomx jiffrankaw taxxa tant li ma jħallsu xejn, iżda min-naħa l-oħra rridu naraw li dan ma jkollux impatt negattiv fuq pajjiżna. Dawn il-proposti issa għandna sa Marzu tas-sena d-dieħla biex nagħtu l-opinjoni fuqhom.

L-intervent u l-argument tiegħi f’dawn il-laqgħat kien li il-prinċipju ta’ vot unanimu fuq it-taxxa għandu jibqa’ u ma għandux jiddaħħal bil-moħbi. L-anqas għandu jinbidel bi qbil tal-maġġoranza tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.

It-taxxa hija xi ħaġa fis-sovranita’ ta’ kull pajjiż membru. L-aktar ħaġa fejn il-qbil tista’ tgħid li filwaqt importanti iżda ma kienx daqshekk sinifikanti kienet dik tal-leġislazzjoni bankarja. Dan huwa suġġett kumpless ħafna li ma nistgħux ngħidu li għamilna xi avvanzi kbar. L-għan ta’ dan il-pakkett huwa li jista’ jkun hemm tnaqqis bil-bosta tar-riskji biex wara naraw li dawn jinfirxu bejn it-28 pajjiż. Din nimplimentawa wkoll fil-EUROGROUP fejn għandek dik l-imsejħa ‘risk reduction’ u ‘risk sharing’ jiġifieri li r-riskju l-ewwel jitnaqqas u wara jinfirex fuq kulħadd, eżattament kif taħdem polza ta’ assigurazzjoni. Kumpanija ta’ assigurazzjoni taħdem billi wieħed iħallas dik l-imsejħa ‘excess’ jiġifieri l-ewwel parti mill-ammont tal-ispiża. Huwa dan l-ammont li jrid jintlaħaq qbil fuqhu. Il-Ġermanja eżempju ma tridx taqbel fuq il-garanzija tad-depożiti fuq skala Ewropea għal raġuni li qed tibża’ li din is-sistema tiġi abbużata minn pajjiżi dgħajfa bħal Greċja u l-Italja. Dan ovvjament lanqas aħna ma rriduh, għax nixtiequ li kull pajjiż l-ewwel jgħin ruħu ekonomikament u wara ngħinuh, jekk mhux tort tiegħu li waqa’ fi kriżi.

Iż-żona Ewro hija familja li rridu ngħinu lil xulxin.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Diċembru 2018


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *