L-’exposure’ finanzjarju tal-Gvern Malti


Il-btajjel tas-sajf għall-Membri Parlamentari Ew­ropej li bħali jiffurmaw parti mill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) twaqqfu ħesrem, billi bħal-lum ġimgħa ssejjaħna Brussels għal laqgħa straordinarja tal-ECON biex inkomplu nid­diskutu l-kriżi fiż-Żona Ewro, liema kriżi qiegħda dejjem tikber filwaqt li s-soluzzjonijiet għaliha qegħdin jonqsu.
Laqgħa li għaliha attendew ukoll il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Jean Claude Trichet; il-President taż-Żona Ewro, Jean Claude Juncker; il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Unjoni Ewropea, Olli Rehn; u l-President tal-ECOFIN, il-Ministru tal-Finanzi Pollakk Jacek Rostowski. Attendenza li titkellem waħedha dwar l-importanza tal-laqgħa li ssej­jaħna għaliha.
La darba tikber il-problema jikber il-piż tas-soluzzjoni għaliha, liema soluzzjoni s’issa qatt ma kienet konvinċenti biżżejjed għas-swieq finanzjarji. L-ewwel forma ta’ rimedju biex nil­qgħu għall-kriżi Griega sar f’April tas-sena li għaddiet u kienet ta’ ¢30 biljun bejn il-pajjiżi taż-Żona Ewro u €15-il biljun mill-Fond Monetarju Internazzjonali biex ikunu disponibbli għal self lill-Greċja. Iżda biss xahar wara deher ċar li dan ma kienx biżżejjed u l-pakkett lil Greċja tellgħuħ għal €110 biljun.
Dik il-ġimgħa stess il-Kun­sill iddeċieda li jitwaqqaf fond speċifiku, imsejjaħ European Financial Stability Facility (EFSF), fond maħluq mill-pajjiżi taż-Żona Ewro f’Mej­ju tas-sena li għaddiet, fond ta’ €750 biljun. Sehem il-pajjiżi taż-Żona Ewro kien ta’ €440 biljuni filwaqt li l-kum­plament twiegħed mill-IMF.
Dan il-fond kien l-iktar bbażat fuq garanziji biex il-fond l-EFSF jista’ joħroġ bonds li jkunu garantiti mill-pajjiżi taż-Żona Ewro, biex jinselfu lill-pajjiżi taż-Żona Ewro li jistgħu jkunu f’dif­fikulta. Sintendi dawn is-self u l-garanziji jkunu suġġetti għal kundizzjonijiet iebsin ħafna negozjati mal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew u l-Fond Monetarju Internazzjonali u finalment approvati mill-Eurogroup.

Sehem Malta
Miċ-ċifra ta’ €110 biljun li semmejt aktar ’il fuq se­hem Malta huwa ta’ €75 miljun f’self bilaterali, Malta qed tislef lill-Greċja direttament u mhux lil xi fond Ewropew. Self li għall-ewwel kien għal tliet snin, perjodu li mbagħad żdied għal sebgħa u issa qed jintalab li jitwal għal 25 u anke 30 sena. Qed jintalab ukoll li tonqos ir-rata tal-imgħax fuqhom. Kien għal din ir-raġuni li l-Finlanda talbet u ħadet xi forma ta’ garanzija mill-Greċja fuq dan is-self. S’issa Malta ntalbet tgħaddi lil Greċja nofs l-ammont ta’ self miftiehem.
Għall-fond tal-EFSF Malta qed tagħmel garanziji li jammontaw għal €400 miljun. Din hija somma kbira għal pajjiżna. Malta trid tissellef biex issellef. Malta għandha dejn pubbliku ta’ €4.4 biljuni u €1.025 biljun ieħor f’ga­ranziji fuq dejn tal-parastatali. Dawn jammontaw għal 66.7% u 15.5% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) rispettivament. B’dak li Malta qed tikkommetti ruħha biex tgħin l-Ewro permezz ta’ self (1.1%) u garanziji ġodda (6.1%) tkun qed iżżid l-‘exposure’ finanzjarju pubbliku tagħha fis-sens ta’ djun u garanzjiji għal 89.4% tal-PGD. Dan l-‘exposure’ huwa sinifikanti fl-isfond tal-ġejjieni ekonomiku inċert.
Dan jeħodni lura lejn il-bidu ta’ dan l-artiklu fejn għidt li waqt li l-kriżi taż-Żona Ewro bdiet tiskala malli mal-Greċja żdiedet l-Irlanda u aktar tard il-Portugall, beda jberraq sew fuq Spanja u l-Italja.
Dan huwa l-biża’ tal-futur. Kieku Spanja u l-Italja kellhom jidħlu fi kriżi tant kbira li jkunu jeħtieġu l-istess għajnuna li rċevew il-Greċja, l-Irlanda u l-Portugall, ikun hemm pajjiżi, fosthom Malta, li ma jkunux f’pożizzjoni li jżidu s-self tagħhom. Aktar ma jiżdiedu l-pajjiżi li jirrikorru għall-għajnuna aktar jonqsu dawk li jikkontribwixxu u allura jkompli jikber il-piż b’mod allarmanti fuq min ikollu jikkontribwixxi.
Huwa għalhekk li l-Unjoni trid taċċetta s-soluzzjonijiet li hemm quddiemħa, morri kemm huma morri, speċjalment għal pajjiżi bħall-Germanja u Franza. Il-‘bailouts’ jagħtu nifs iżda ma jsolvu xejn. Fil-Parlament Ewropew kellna n-nuqqas ta’ qbil fuq dan għax konna avżajna lill-Kunsill tal-Ministri li dan se jiġri u filfatt dak hu li qed jiġri.
Sadattant qed joktru l-appelli lill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri biex dak miftiehem bejnietħom f’Lulju li għadda jkun implimentat. Dan jinkludi l-infurzar tal-governanza ekonomika, li hemm min jikkunsidraha bħala attakk qaw­wi fuq is-sovranità fiskali tal-pajjiżi membri.
Huwa fatt ukoll li ż-Żona Ewro tinsab taħt pessjoni qawwija mis-swieq finanzjarji internazzjonali, li minkejja l-proposti kollha li saru u l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ awsterità, għadhom jippretendu li għandu u li jista’ jsir aktar biex iż-Żona ssalva mill-kriżi li tinsab fiha.
Meta tifli sewwa u bir-reqqa l-pożizzjoni li qegħdin jieħdu s-swieq finanzjarji internazzjonali u l-ispekulaturi ssib li jħossu li hemm nuqqas ta’ ‘leadership’ politiku kemm fl-Amerika kif ukoll fl-Ewropa. Iħarsu lejn is-soluzzjonijiet of­fruti bħala kawti ħafna, tard u ftit ftit. Huma tal-fehma li qatt ma jkun provdut pakkett konvinċenti.
Nisperaw li l-biża’ ta’ din il-kriżi, li naqgħu f’riċessjoni kbira li tkun ta’ tbatija ikbar għad-dinja kollha, iġġib daqsxejn kuraġġ lill-mexxej­ja, kemm Ewropej kif ukoll Amerikani, biex isibu s-soluzzjonijiet li kulħadd jaf li qegħdin hemm iżda li trid il-kuraġġ biex tattwahom. Nisperaw ukoll li l-Gvern ta’ pajjiżna qed jitgħallem minn dawn l-ġrajjiet u ma jitkellimx iktar fieragħ dwar il-finanzi ta’ pajjiżna.

l-orizzont – It-Tnejn, 5 ta’ Settembru, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *