Jimmy Carter, Joe Clark u l-UE


X’hemm komuni bejn l-eks-President Amerikan Jimmy Carter, l-eks-Prim Ministru Kanadiż Joe Clark u l-Unjoni Ewropea? Ilkoll huma involuti bis-sħiħ f’pajjiżi tat-tielet dinja biex isaħħu d-demokrazija f’dawn il-pajjiżi. L-ewwel nett billi jmexxu missjonijiet kbar waqt iż-żminijiet tal-elezzjonijiet Pre­sidenzjali jew Parlamenta­ri, kif ukoll drabi oħrajn billi jgħinu fit-tisħiħ tar-rispett lejn prattiċi demokratiċi, isolvu konflitti u jaħdmu għall-paċi.
Iċ-Ċentru Carter firex ħidmietu mad-dinja kollha. Ħafna drabi Carter innifsu jmur għal dawn l-avvenimenti biex permezz tar-rispett li jġib personalment, jinfluwenza l-partijiet involuti u jqarribhom lejn il-ftehim. L-Afrika, il-Lvant Nofsani u l-Asja huma r-reġjuni l-iktar iffrekwentati. Rajnih jagħmel dan riċentement fis-Sudan. Kien il-Palestina u ħafna pajjiżi kritiċi oħ­rajn. Carter nistgħu ngħidu li huwa strument ta’ ġid kbir f’dik li hija demokrazija u żvi­lupp politiku f’dawn il-paj­ji­żi.
L-istess jista’ jingħad fir-rigward ta’ Joe Clark, inċidentalment Prim Ministru ta’ pajjiżu fiż-żmien li kont qed nistudja hemmhekk. Dan l-aħħar mex­xa missjoni ta’ osservaturi fl-elezzjonijiet tan-Niġerja u oħ­rajn qabel din.
Hemm diversi fondazzjonijiet u organizazzjonijiet non-governattivi internazzjonali oħ­rajn li jintalbu jibagħtu miss­jonijiet bħal dawn. Tant li kien twaqqaf korp ta’ organizzazzjonijiet imsejjaħ “Declaration of Principles for International Election Observation”. Issir laqgħa tiegħu kull sena.
L-aħħar laqgħa kienet saret f’Atlanta, l-Amerika. Din is-sena, u għall-ewwel darba, il-laqgħa annwali saret fi Brussels, bħala l-mistiedna tal-Unjoni Ewropea. Saret il-gimgħa l-oħra taħt il-presidenza tal-President tal-Parlament Ew­ro­pew, Jerzy Buzek.
L-Unjoni Ewropea hija waħ­da mill-akbar, jekk mhux l-akbar, organizzazzjonijiet li tagħ­mel missjonijiet globalment, ta’ ċertu daqs fin-numru u li l-osservazzjoni tkun mifruxa fit-tul. Jien għandi l-unur ngħid li l-Barunessa Catherine Ashton fdatli f’idejja waħda minn dawn il-missjonijiet kbar, dik tal-elezzjonijiet Presi­denzjali u Parlamentari fl-Ugan­­da aktar kmieni din is-sena. Billi la ċ-Ċentru Carter u lanqas l-Istitut ta’ Clark ma marru l-Uganda kien hemm interess kbir li ngħidilhom l-esperjenza tiegħi f’dan il-paj­jiż.
Bħalma kont spjegajt, il-miss­joni li fdawli f’idejja kie­net tinvolvi ħafna nies, 120 ruħ mill-pajjiżi tal-Unjoni Ew­ro­pea kollha, għal żmien pjuttost twil u giet tiswa’ ħafna flus. Però jekk trid tkun konvinċenti bilfors trid tkun ta’ ċertu daqs. Jekk il-missjoni tkun iżgħar, tibqa’ fil-belt ka­pitali u ma tinfirix fir-reġjuni kollha tal-pajjiż. Ir-riżultati u r-rakkomandazzjonijiet im­bagħ­ad ma jkunu xejn konvinċenti u ta’ min joqgħod fuq­hom, u b’hekk jitilfu l-kre­dibbiltà.
Fuq kollox biex tos­serva tajjeb trid tmur ġimgħat qabel u tibqa’ ġimgħat wara l-jum tal-elezzjonijiet.
Wieħed irid iżomm qud-diem għajnejh li d-demokrazi­ja f’pajjiż ma tiddaħħalx mil-lum għal għada. Huwa fatt magħ­ruf x’ifissru gvernijiet to­talitarji u dittatorjali. Ftit u ftit ferm kienu l-każi fejn tmex­xijiet bħal dawn spiċċaw paċifikament. Qabel ma nxte­red id-demm, qabel ma saret xi gwerra ċivili. U lanqas ma kien ifisser li dak li sar wara, kien rifless ta’ demokrazija sħi­ħa.
Ħafna drabi l-front li jkun ħadem b’mod kompatt biex jitneħħa r-reġim dittatorjali fi­nalment jiddiżintegra f’diver-si fazzjonijiet, b’kollha jridu sehem­hom fit-tmexxija.
L-istorja qiegħda hemm biex jaraha kulħadd, kemm dik fil-passat remot kif ukoll fil-passat riċenti u fil-preżent. Tkun biżżejjed ħarsa lejn il-paj­jiżi fin-naħa ta’ fuq tal-Afri­ka li din is-sena huma l-prota­go­nisti fil-ġlieda għad-demo­kra­zija.
Id-demokrazija nuxxenti minn avvenimenti bħal dawn ma tkunx siġra b’saħħitha mill-ewwel. Anzi. Tkun bħal pjanta fraġli li tkun teħtieġ is-sostenn. Parti minn dan is-sos­tenn toħroġ minn missjoni-jiet ta’ osservanza fl-elezzjonijiet li jsiru wara tneħħija ta’ reġim u li jkunu pass importantissimu lejn id-demokrazi­ja.
Il-poplu kkonċernat, il-partiti politiċi li jkunu qegħdin jieħdu sehem, il-kontestanti individwali, l-organizzazzjoni­jiet non-governattivi, il-pajjiżi demokratiċi li jkunu qegħdin jgħinu fil-proċess, kulħadd irid ikun kuntent u sodisfatt li l-elezzjonijiet ikunu għaddej-jin b’mod gust.
Kien f’dan il-kuntest li kont mistieden għal din il-laqgħa fi Brussels biex nindirizzaha fil-kapaċità ta’ Osservatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea fuq miss­jonijiet bħal dawn. Kienet laqgħa mifruxa fuq tlett ijiem b’fost il-kelliema ewlenin ikun hemm ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, il-Barunessa Catherine Ashton; l-eks-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, Jimmy Carter; u l-eks-Prim Ministru Kanadiż Joe Clark. Il-Commonwealtħ, il-Ġnus Magħquda, u l-OSCE (Organization for Security and Co-operation in Europe) kienu wkoll rappreżentati minn mexxejja ta’ missjoni-jiet ta’ osservanza wkoll.
Laqgħat annwali bħal dik tal-gimgħa l-oħra huma essen­zjalissimi. Matulhom jinqasmu l-esperjenżi. L-esperjenza minn xulxin hija strumentali biex ikun hemm aktar kordinament f’ħidmiet bħal dawn. Quddiem il-midja kien hemm xi drabi fil-passat fejn dawn l-organizzazzjonijiet kellhom kon­klużjonijiet li ma kinux jixxiebħu. Ma tantx iservi ta’ gid jekk ma nitkelmux b’vuċi waħda.
Tul it-tlett ijiem ta’ laqgħat trattajna fejn għandhom jintbagħtu missjonijiet bħal dawn u fejn ikun ħala ta’ flus jekk jintbagħtu.
Jekk ma tkun tid­her ebda tama ta’ benefiċċju jkun inutli li l-flus jintefqu, ir-riskji li jittieħdu u l-problemi kbar li trid tiffaċċja waqt missjonijiet bħal dawn.
Dwar il-futur hemm ħafna xogħol xi jsir. Ċertament li dak li seħħ, u għadu qed iseħħ, fit-Tuneżija, fl-Eġittu u fil-Libja se jkun ifisser impenn qawwi għal missjonijiet bħal dawn.
Missjonijiet ta’ osservanza jtemmu ħidmiethom b’rap­port dwar dak li jkun irri­żul­talhom u b’osservazzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar x’għandu jsir jew jittejjeb fil-mod li jsir, biex tissaħħaħ id-demokrazija.
Kien ta’ sodisfazzjon għalija li ntlaqgħet proposta tiegħi, biex f’nofs il-leġiżlatura tal-paj­jiż li l-elezzjoni tiegħu tkun saret taħt osservazzjoni inter­nazz­jonali, ikun eżaminat fejn waslu r-rakkomandazzjo­nijiet li jkunu saru. Eżami permezz ta’ laqgħat bejn il-kap tal-missjoni u t-team ewlieni ta’ esperti tiegħu ma’ ambax­xaturi akkreditati mal-pajjiż inkwistjoni; mal-partiti politi­ċi, kemm jekk rappreżentati fil-Parlament u kemm jekk le; mal-organizzazzjonijiet non-go­vernattivi. Jekk tħalli dan l-eżami għal meta tasal l-elezz­joni li jkun imiss ikun tard. Huwa għajb kbir li fir-rapport tal-osservaturi tiddikjara li ħaf­na mir-rakkomandazzjoni tar-rapport ta’ qablek ma ġewx implimentati.
Kienet okkażjoni unika għa­lija li nkun ma’ Carter u Clark fuq l-istess mejda, niddiskutu kwistjonijiet komuni. Ovvju l-fatt li fid-diskors magħhom wara l-laqgħa nitkellem dwar pajjiż­na u dwar ir-relazzjonijiet li Malta minn dejjem kellha kemm mal-Amerika kif ukoll mal-Kanada. Prova ta’ dan hija l-emigrazzjoni qawwija ta’ Maltin u Għawdxin lejn dawn iż-żewġ pajjiżi.
Ħassejtni kburi nisma’ kliem­­hom u nosserva l-apprez­za­ment qawwi tagħhom lejn paj­jiżna u lejn il-poplu tagħna. Ir-rispett tagħhom lejna kien evidenti ħafna.
Kienet iċ-ċirasa fuq il-kejk sodisfaċenti ta’ din il-laqgħa internazzjonali.

____________________

Fir-ritratt mix-xellug ghal-lemin: Il-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek; l-eks-President Amerikan Jimmy Carter; l-eks-Prim Ministru Kanadiz, Joe Clark; u Prof. Edward Scicluna waqt il-laqgha tad-“Declaration of Principles for International Election Observation” li saret fi Brussels.

l-orizzont – It-Tnejn, 10 ta’ Ottubru, 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *