Is-soluzzjoni dwar il-kriżi finanzjarja fiż-Żona Ewro mhix fil-bogħod jekk hemm ir-rieda politika


X’AKTARX ninstema’ stramb jew li qiegħed kontra l-kurrent meta ngħid li minkejja l-kriżi kbira li tinsab fiha ż-Żona Ewro ninsab ottimist li ż-Żona Ewro ssalva.
Ottimist li jsir hekk għax persważ li l-Ġermanja trid li ż-Żona Ewro ssalva. Salvazzjoni li r-rimedju għaliha se jkun goff.
Dan kawża tal-fatt li tħalla jgħaddi wisq żmien bil-problema tkompli tikber minn ġurnata għall-oħra.
Ninstema’ stramb għax is-sitwazzjoni fiż-Żona Ewro kompliet sejra għall-agħar. Kompliet sejra għall-agħar mhux biss fil-Greċja, fejn jidher li ma baqgħax tama li tirkupra, imma issa wkoll fost il-banek kbar Ewropej, bil-bank Belġjan Dexia prattikament ifalli u kellu jitlob l-għajnuna tal-Gvern tal-pajjiż. Daħlu biex jgħinu lil dan il-bank ikollu kapital biżżejjed il-Belgju, il-Lussemburgu u Franza.
Ix-xenarju kompla ddallam billi mil-laqgħa ta’ bħall-bieraħ gimgħa bejn il-President Franċiż Nicolas Sarkozy u l-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, tista’ tgħid li ma ħareġ xejn.
Sadanittant laqgħa tal-Kunsill Ewropew li kellha ssir illum u għada ġiet posposta għall-Ħadd li ġej biex jintrebaħ aktar ħin.
Il-ġimgħa l-oħra l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, Jean Claude Trichet, li huwa wkoll il-President tal-bord il-ġdid tal-istabbiltà Ewropea, European Systemic Risk Board (ESRB) indirizza l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON) tal-Parlament Ewropew li tiegħu jien wieħed mill-Viċi-Presidenti.
Ma’ Jean Claude Trichet tkellimna kemm ‘in camera’ fil-preżenza tal-President u viċi-presidenti tal-Kumitat tagħna f’termini kunfidenzjali kif ukoll fil-laqgħa attwali miftuħa mal-ECON.
Fl-ewwel laqgħa, li damet biss nofsiegħa, Trichet elenkalna r-raġuni għaliex is-sitwazzjoni kienet saret gravissima tant li bagħat twissija lill- pajjiżi taż-Żona Ewro dwar x’għandhom jagħmlu f’din l-eventwalità.
Wara, fl-indirizz tiegħu lill-ECON Trichet għamilha ċara li l-kriżi hija sistematika u trid tkun kumbattuta b’mod deċiżiv: gvernijiet nazzjonali u awtoritajiet, kif ukoll istituzzjonijiet Ewropej, iridu jqumu quddiem din l-isfida u jaġixxu flimkien b’ħeffa.
Aktar dewmien jikkontribwixxi biss biex tkompli tiggrava s-sitwazzjoni. Trichet emfasizza li hija kwistjoni ta’ urġenza li l-awtoritajiet konċernati jaġixxu flimkien, b’mod kompatt u kommessi totalment li jissalvagwardaw l-istabbiltà finanzjarja.
Il-messaġġ kien wieħed ċarissimu: is-sitwazzjoni hija gravi, anzi gravissima. Fis-sens li s-sitwazzjoni Ewropea hija bħalma kienet f’Settembru tas-sena 2008 ftit qabel ma falla l-Bank Lehman Brothers.
Għalkemm m’hemmx paniku, is-sitwazzjoni tant hija fraġli li jista’ jinqala’ xi ħaġa li mbagħad iġġib il-pani- ku.
Fil-bidu rreferejt għal dak li seħħ fil-konfront tal-bank Belġjan Dexia. Ħafna mill-banek qiegħda tonqsilhom il-likwidità, li bħal meta jonqos iż-żejt f’magna, il-periklu huwa li din tiġġammja. Fil-każ tal-bank Dexia, il-Belġju, il-Lussemburgu u Franza pprovdew il-finanzi biex dan ikollu kapital biżżejjed.
Imma issa qegħdin nitkellmu dwar banek li għandhom bżonn ta’ kapital ferm akbar milli kellu bżonn Dexia. Il-Fond Monetarju Internazzjonali qed jistma li l-ammont meħtieġ biex jikkapitalizzaw il-banek Ewropej huwa ta’ €200 biljun.
Trichet bagħat twissija ċarissima mhux biss lill-Gvernijiet tal-pajjiżi membri taż-Żona Ewro imma lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Il-Gvernijiet qegħdin jitħeġġu jagħmlu dawk li l-Ingliżi jsejħulhom ‘back stops’, jipprovdu u jippreparaw likwidità finanzjarja biex ikunu lesti għal dak li jista’ jinqala’.
Fil-laqgħa ta’ nhar it-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra ta’ Trichet mal-ECON ħadt l-okkażjoni biex inqajjem punti li konna ilna nitkellmu dwarhom, fosthom li l-mod kif twaqqaf il-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja huwa legalmet ristrett wisq.
L-€440 biljun ta’ dan il-Fond, li minnhom Malta tiggarantixxi €400 miljun, mhumiex biżżejjed.
Imma mhux biss. Anke l-mod kif jaħdem huwa ristrett. Il-Fond qiegħed biex jislef biss.
Ma jaħdimx bħala bank li jista’ wkoll jissellef mingħajr ma jitfa’ l-piż fuq il-pajjiż. Ma jistax jixtri bonds mis-swieq sekondarji u jagħmel affarijiet oħrajn li normalment jagħmel bank.
Ħadt l-opportunità biex nagħmel mistoqsija diretta, u fl-opinjoni tiegħi kruċjali, lil Trichet: kieku l-Fond ikun f’forma ta’ Fond Monetarju Ewropew, ma jkunx jista’ jaħdem b’mod aktar flessibbli fil-konfront ta’ sitwazzjoni bħal dik preżenti u dan fid-dawl ta’ dak li jixtieq l-ESRB?
Ninsab sodisfatt li Trichet qabel miegħi, li noqogħdu nistennew lill-pajjiżi kollha jirratifikaw proċess ta’ għajnuna fi żmien ta’ kriżi, fi żmien ta’ paniku, mhux l-aħjar mod li bih isiru l-affarijiet. Irid ikun hemm Fond li jkollok fiduċja fih, tagħtih in-nies tajbin biex jaħdem u mbagħad skont il-mezzi tiegħu jara kif jikkalma u jistabbilizza s-sitwazzjoni.
Kont persważ li Trichet jaqbel ma’ din it-teżi, imma kien f’din l-okkażjoni li ħariġha b’mod pubbliku.
Dan wassalni għal punt ieħor li tkellimt u ktibt dwaru diversi drabi, inkluż f’dan il-ġurnal. Dan fl-isfond ta’ dak li għaddej primarjament fil-Greċja u r-riżultat miksub s’issa: il-miżuri ta’ awsterità waħedhom ma jaħdmux. Miżuri ta’ awsterità waħedhom jwaqqgħu l-ekonomija f’riċessjoni bil-konsegwenza li l-piż jikber anke jekk il-volum tad-dejn ma jiżdiedx. Jikber il-piż għax il-Prodott Gross Domestiku jibda nieżel. Hekk ġara, u qed jiġri, fil-Greċja.
F’dan l-istess kuntest kien ovvju, għal min ried jarah, li fil-kwistjoni tal-Greċja, il-banek bilfors iridu jerfgħu parti mill-piż. Kienu huma li daħlu għas-sogru li jixtru l-bonds tal-Greċja u ta’ pajjiżi dgħajfin oħrajn.
La daħlu għal dak is-sogru jekk tfalli l-Greċja jitilfu kollox. U allura huwa fl-interess tagħhom li jgħinu. Għajnuna mlibbsa f’maħfra ta’ parti mid-dejn li għandha magħhom il-Greċja. Għajnuna li m’għandhomx wisq għażla dwarha. Terminu li l-Ingliżi jsejħulu ‘haircut’. L-għażla l-oħra hija l-falliment.
L-ewwel ma bdiet tissemma kienet li dan isir b’mod volontarju, bil-banek Ewropej jgħidu li tali maħfra tkun ta’ madwar 20% tad-dejn.
Iżda analisti tas-sitwazzjoni huma tal-fehma li l-maħfra trid tkun ta’ bejn 50% u 60% tas-self kollu li għamlu lill-Greċja.
Qed ikun meqjus li lill-banek biex jifilħu għal din il-‘haircut’ u ma jfallux. U għalhekk il-fond imsejjaħ l-EFSF irid ibiddel in-natura tiegħu u jingħatalu aktar flessibbiltà kif spjegajt hawn fuq.
U hawn tidħol primarjament il-Ġermanja. Merkel finalment se jkollha tammetti mal-poplu Ġermaniż li l-Greċja tista’ tfalli u magħha jfallu l-banek.
X’jiġri wara ħadd ma jrid joħlom. Lill-poplu Ġermaniż trid tgħidlu bil-periklu kbir li tiffaċċja l-Ġermanja f’eventwalità bħal din. Merkel taf kemm hu kbir, kemm hu reali dan il-periklu. Għalhekk ma tridx li ż-Żona Ewro tfal-li. Dan l-istat ta’ fatt jagħtini sens ta’ ottimiżmu. Il-problema kienet u għadha purament politika. Jekk ir-rieda politika qiegħda hemm, is-soluzzjoni mhix fil-bogħod.
l-orizzont – It-Tnejn, 17 ta’ Ottubru, 2011

Fir-ritratt jidher Jean Claude Trichet (xellug) jindirizza t-twegiba tieghu lill-Prof. Edward Scicluna (lemin) waqt il-laqgha tal-gimgha l-ohra mal-ECON.


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *