Is-solidarjetà fl-UE hi skarsa?


Huwa issa ċar daqs il-kristall li s-solidarjetà fl-Unjoni Ewropea mhix hemm fejn jidħol il-tqassim tal-piż li jaqa’ sproporzjalment fuq xi paj­jiżi minħabba l-immigrazzjoni irregolari. Fil-laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea nhar il-Ħamis li għadda, għaxar pajjiżi membri vvolontarjaw li jieħdu total ta’ 323 refuġjat minn Malta. Il-Ġermanja qalet li tieħu mitt refuġjat, waqt li Franza u l-Ingilterra, iż-żewġ pajjiżi li kienu minn tal-ewwel li bbumbardjaw il-Libja biex isalvaw ħajjiet in-nies f’Benghazi ma wegħdu xejn. Iċ-ċifra totali hi tal-biki meta wieħed iżomm f’moħħu li l-Istati Uniti, li għandhom popolazzjoni kbira daqs dik tal-Unjoni Ewropea, jieħdu madwar 75,000 refuġjat min­barra eluf oħrajn li jidħlu klan­destinament fil-pajjiż.

Il-Ministru Carmelo Mifsud Bonnici ma setgħax ma jurix id-diżappunt tiegħu meta ddeskriva dawn il-wegħdiet jew ‘pledges’ li saru bħala ‘not a lot’, mhux wisq. Meta niftakru li fl-istess laqgħa rriżulta ftehim bla bżonn, u li fil-fatt jista’ jagħ­mel iktar ħsara, dwar is-safar bla passaporti ta’ ċertu ċittadini magħruf bħala il-Ftehim ta’ Shengen, billi issa jista’ jagħti d-dritt lill-pajjiżi parteċipanti ta’ dan il-ftehim li jerġgħu jtellgħu l-fruntieri, id-disfatta tal-‘ple­dges’ lejn pajjiżna tista’ tit­qis bħala melħ fuq il-ferita.

F’pajjiżna, fejn ftit jiddistingwu bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Mi­nistri u l-Kummissjoni Ewro­pea, wieħed għandu jinnota li fil-fatt il-Kummissjoni Ew­ropea u partikolarment il-Kummissarju tal-Affarjiet In­terni Cecilia Mälmstrom bħalissa hi l-unika ħabib ta’ Malta billi qed tipprova min-naħa taħdem għal ftehim fuq il-problema tal-immigrazzjoni u fl-istess ħin tissaporti u timmaniġġja l-farsa tal-fruntieri min-naħa l-oħra. Bħalma qaltilna fil-Parlament il-ġimgħa l-oħra xi jumejn qabel il-konferen­za hi xtaqet ma tintilifx jew tiġi aljenata fuq l-affari vojta ta’ bejn Sarkozy u Belusconi. Ma semmithomx b’isimhom imma fil-Parlament ir-rife­ren­za kienet ovvja.

Hi stqarret li “aħna ma nistgħux ikollna protezzjoni kredibbli ta’ nies li jfittxu l-ażil jekk ma jkollnix politika komuni fuq dan l-ażil fl-Unjoni Ewropea”. Hi żiedet tgħid li dwar l-ażil u t-tqassim tiegħu rridu jkollna qafas Ewropew. Il-problema hi li bħalissa l-Kummissjoni hi wisq dgħajfa fil-konfront tal-pressjonijiet li l-Membri Stati l-kbar tal-Unjoni qegħdin jaħdmu u jagħmlu flimkien biex jimblokkaw ir-riformi meħtieġa, u minflok iħallu lill-pajjiżi fuq il-periferija tal-Unjoni jfendu għal rashom.

Irridu nfakkru li din l-inizjattiva kienet sforz ieħor biex jitħaddem fil-konkret proġett pilota introdott fis-sena 2008 bil-għan speċifiku li Malta tkun mgħejjuna ġġorr piż li spiċċa fuqha intortament, spe­ċifikament minħabba l-fatt li ġeografikament ninsabu fuq il-periferija Mediterranja tal-kontinent Ewropew u allura bieb u għatba ma’ ħafna minn dawk li jkunu qegħdin jaq­smu l-Mediterran b’tamiet kbar u ġodda għal ħajja aħjar fl-Ewropa. Proġett pilota li qed jittawwallu ż-żmien.

Meta kien tnieda dan il-proġett bilkemm ma kienx hawn f’pajjiżna min għamilha fatta. Li l-problema kienet solvuta b’mod indirett. Iż-żmien wera mod ieħor. Kemm hemm differenza mill-kliem għall-fatti. Ftit ċifri uffiċjali, ipprovduti fil-Parlament Nazz­jonali jitkellmu waħedhom. Ċifri li jagħtu raġun lil min ikun xettiku dwar dan il-patt volontarju. Min hu midħla ta’ kif jaħdmu l-gvernijiet fl-Unjoni Ewropea jaf li l-volontarjat ma jiswa xejn. Jekk ma jkunux marbutin legalment pajjiżi Ewropej isibuha diffiċli li jagħmlu xi ħaġa għal ħaddieħor kontra l-volontà tal-votanti tagħhom.

Fil-fatt mis-sena 2008, sa nofs Marzu li għadda, in-num­ru ta’ refuġjati f’Malta li kienu offruti kemm minn pajjiżi barranin kien ta’ 994, li 620 minnhom ħadithom l-Amerika u mhux il-pajjiżi tal-Unjoni Ewopea. Fl-Unjoni, l-akbar għajnuna sibniha minn Franza, li ħadet 191. Imbagħad il-Ġermanja b’113. Ir-Renju Unit ħadu għaxra; tminja marru Slovenja u sitta kull wieħed ħaduhom il-Portugall u l-Lussemburgu. Dak kollox.

Ma nistax f’sitwazzjoni bħal din ma ntennix dak li esprimejt ħmistax ilu, fit-2 ta’ Mejju, minn din l-istess paġna. Il-prinċipju tagħna f’sit­wazzjoni bħal din għandu jkun wieħed: ma nkunux dgħajfin ma’ min hu b’saħħtu u b’saħħitna ma’ min hu dgħajjef. S’issa iktar jidher li qed jiġri l-oppost. Mal-familji tar-refuġjati li jinkludu nisa u tfal innoċenti għadna mhux qed noffru l-mogħdrija li wieħed jistenna minn pajjiż ċivilizzat u edukat.

Mal-pajjiżi li sa ftit ilu bagħtu rappre­żentanti tal-gvern biex jirringrazzjawna biex ħriġnilhom nieshom mil-Libja hemm bżonn li issa nitolbuhom jgħinuna. Mhux billi joħdulna xi ftit refuġjati kull tant żmien, imma li jaq­blu dwar sistema waħda għall-Unjoni Ewropea.

Ta’ min jgħid li fil-biċċa l-kbira fl-Unjoni Ewropea s-soli­darjetà tissarraf fi flus. Il-Fondi Strutturali, il-Fondi ta’ Ko­eżjoni, Fondi Reġjonali, u oħ­rajn, jgħinu biex tiġi pprattikata s-solidarjetà. Spiss fil-Parlament nivvotaw flus għal reġjuni li jintlaqtu b’diżastru jew ieħor. Kieku dak li qed nitolbu huma flus kieku ma kienx ikun hemm daqshekk problemi. Li qed nitlolbu hu xi ħaġa iżjed. Qed nitolbu li jaċċettaw persuni f’mumenti fejn il-politika fl-Ewropa qed ixxaqleb lejn il-lemin estrem, b’ħafna theddid minn gruppi bħal Lega Nord fl-Italja u l-Partit ta’ Le Pen fi Franza u issa fil-Finlandja bil-partit True Finns jagħmel qabża spet­takolari fil-pajjiż u jżid in-numru ta’ siġġijiet minn ħam­sa għal 39 u jispiċċa t-tielet l-akbar partit. Mhux faċli f’dan il-kuntest tgħid xi triq irridu nieħdu.

Però s-solidarjetà hi prinċipju li la darba tippriedkah għandek twettqu. Is-solidarjetà hi prinċipju li għandu jiskatta b’mod awtomatiku hekk kif jinħass il-bżonn għat-tħaddim tiegħu.

Jekk il-Gvern irid jieħu passi soda u iebsa għal quddiem għandu jħabbar strateġija ġdida. Waħda għar-refuġjati u oħ­ra għall-Unjoni Ewropea. Fil-konfront tar-refuġjati għandu jħabbar pjan ġdid ta’ kif ir-refuġjati se jkunu sistemati u integrati aħjar mill-mod li qed jiġu “ttollerati bħalissa”. Pjan bil-ħsieb, pjan li jagħmlilna unur u mhux jimbarazzana mad-dinja.

Min-naħa l-oħra mal-Unjoni Ewropea jitlob minnufih pjan ta’ kontinġenza ta’ x’jiġri jekk f’pajjiżna jaslu 10,000 immigrant. Pjan ieħor jekk jaslu 20,000 eċċ. Li nagħmlu strobju dwar in-numri li ġew s’issa f’pajjiżna mhux se naslu mal-Unjoni. Li nistaqsu x’beħ­siebha tagħmel meta numri kbar jaslu fuq gżiritna huwa dritt tagħna li nistaqsuh, u għandna dritt risposta ċara. L-Unjoni taħdem ħafna fuq mudelli ta’ kontinġenza. Il-Gvern tagħna għandu jara li dan il-mudell ikun f’postu mill-aktar fis.

Żgur li jekk il-Gvern jagħ­mel ftit storbju fil-kuruduri ta’ Brussels m’aħ­niex se ngħajjruh popolista u li qed jersaq lejn il-lemin estrem.

Dak li għandu jitlob b’mod iktar assertiv hu b’ġus­tizzja u bi dritt. Fl-is­tess ħin għandu jipprattika l-ġustizzja ma’ min għandu bżonn l-għajnuna tagħna. X’qegħ­din nistennew?

www.l-orizzont.com – Tnejn, 16ta’ Mejju 2011

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *