Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Maltese Articles


Is-Solidarjeta’ bejn L-Istati Membri Ewropej

L-Unjoni Ewropeja, fil-preżent tinkorpora tmienja u għoxrin pajjiż. L-iskop ewlieni ta’ kull pajjiż li ħa l-pass biex jidħol f’din l-Unjoni, kien dak li l-pajjiż ikun parti minn familja; familja li kull membru tagħha iħoss id-dmir u d-dover li jgħin lil xulxin biex b’hekk il-familja tkompli tissaħħaħ u tissoda. Dan hu il-kunċett ta’ solidarjeta’ fil-kuntest Ewropew.

Solidarjeta’ tfisser li flimkien, il-Membri jgħinu lil xulxin biex jingħeleb xi ostakolu jew problema li tinqala’ matul iż-żmien. F’għaqda, illum ikun hemm membru li jkun għaddej minn diffikulta’ u jkollu bżonn l-għajnuna u għada jkun membru ieħor li jkun qed jiffaċċja problema. Solidarjeta’ tfisser li ma tippretendix għajnuna meta int tkun fil-bżonn imma iddawwar wiċċek meta l-problema ma tkunx taffettwa lilek.

Eżempju prattiku ta’ kif is-solidarjeta’ għandha titħaddem huwa fil-każi tal-problema kbira li l-pajjiżi Ewropej qed iħabbtu wiċċhom magħha. Uħud mill-pajjiżi Ewropej fejn tidħol l-influss ta’ persuni li qed jaqsmu l-Baħar Mediterran biex jibdew ħajja aktar ta’ prosperita’ ġewwa l-pajjiżi nordiċi tal-Ewropa.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom, il-pajjiżi fin-naħa t’isfel tal-Ewropa u li huma viċin il-kosta tal-Afrika ta’ Fuq, jiġifieri Malta u l-Italja, u sa ċertu punt Spanja u l-Greċja, huma l-iktar pajjiżi milqutin minn dan il-fenomenu ta’ influss ta’ din l-immigrazzjoni. L-ebda pajjiż ma’ jista’ jsolvi problema bħal din waħdu.

X’qed jistennew dawn il-pajjiżi Ewropej fosthom Malta li ġeografikament huma viċin il-kosta Afrikana? Ġustament, l-argument ta’ dawn il-pajjiżi huwa li filwaqt li dawn il-ftit pajjiżi lesti li jiffaċilitaw is-salvataġġ ta’ dawn in-nies li lesti li jissugraw ħajjithom biex jaqsmu l-Baħar Mediterran għal ħajja aktar feliċi ġewwa xi pajjiż Ewropew, jistennew, taħt il-kappa ta’ Solidarjeta’ li l-Unjoni Ewropea tant tisħaq fuqha, dan l-influss ta’ immigranti, wara li jirfsu l-ewwel art ta’ pajjiż Ewropew, jiġu mifruxa bejn it-tmienja u għoxrin pajjiż Ewropew kollha u b’hekk kulħadd ikun qed jgħamel dak l-isforz u jħaddan il-prinċipju ta’ solidarjeta’.

Fuq kollox wieħed irid isemmi li din is-solidarjeta’ diġa’ ġiet applikata u ħadmet meta kien hemm il-problemi finanzjarji f’uħud mill-pajjiżi Ewropej u ġie mitlub dal li jissejjaħ “bailouts” għal dawn il-pajjiżi li kienu milquta mill-kriżi finanzjarja. Hawn qed nirreferi għall-Greċja; il-Portugall; l-Irlanda u l-Italja.

Il-pajjiżi Ewropej l-oħra, faċilment setgħu jgħidu li s-sitwazzjoni finanzjarja prekarja li kull pajjiż li semmejt kien fiha, kienet tort tat-tmexxija tal-gvernijiet ta’ dak il-pajjiż u allura wieħed seta’ iddeċieda li jħalli lil dawn il-pajjiżi jfendu għal rashom. Iżda il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropeja, ħadu deċiżjoni għaqlija li għandhom jgħinu lil dawn il-pajjiżi ħalli joħorġu mill-kriżi li daħħlu fiha u b’hekk lill-poplu ta’ dawk il-pajjiżi titnaqsilhom it-tbatija li kienu jgħaddu minnha. Kull pajjiż, fosthom Malta, ħa d-deċiżjoni li jdaħħal idejh fil-but u jikkontribwixxi flejjes kbar billi sellef flus lil dawn il-pajjiżi sabiex joħroġ mill-qagħda diżastruża li kien fiha. Malta ħarġet l-ekwivalenti ta’ tlieta fil-mija tal-prodott gross domestiku tagħha biex tgħinhom. Kieku ma kienux il-pajjiżi Ewropej l-oħra, dawn il-pajjiżi jew ma kienux isibu min isellifhom dawn il-flus jew jekk isibu kienu jħallsu imgħaxijiet ferm għoljin.

Il-mistoqsija f’ħalq kulħadd kienet: Imma dawn il-pajjiżi jaslu biex iħallsu s-self li ħadu? Ir-risposta hija IVA imma meta dan ser iseħħ, huwa idiffiċli ferm li tgħid. Dan juri b’mod ċar li s-self ingħata mhux għax xi pajjiż ra li huwa investiment attraenti iżda kien ġest ta’ solidarjeta’.

U allura, jekk kif f’każ bħalma għadni kif semmejt, ħadmet is-solidarjeta’ u l-intervent sar mingħajr ħafna dewmien, għaliex mhux qed isir l-istess fejn tidħol il-problema tal-immigrazzjoni? Għalhekk tistona ħafna meta fi żjarat ġewwa pajjiżna minn Prim Ministri u Ministri ta’ pajjiżi Ewropej oħra, jistqarru ġewwa Malta li huma kontra kwalukwe solidarjeta’ u tqassim tal-piż li l-problema tal-immigrazzjoni qed iġġib. Kategorikament, ċertu Ministri ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, qed jgħidu li huma mhux lesti li jipparteċipaw fl-ebda aċċettazzjoni ta’ emigranti. Meta int membru ta’ organizzazzjoni, trid timxi mar-regoli tal-organizzazzjoni li tkun ingħaqadt fiha, volontarjament. Mhux aċċettabbli li meta int membru f’organizzazzjoni, tagħżel liema regoli jgħoddu għalik u tirrifjuta regoli oħra – tagħżel dak li jaqbel lilek biss.

Filwaqt li huwa minnu li jista’ jkun hemm ċirkustanzi partikulari, bħal fil-każ ta’ x’rata ta’ taxxa timponi f’pajjiżek, li l-prinċipju tas-solidarjeta’ mhux applikabbli, dan ma jinkludix il-każ tal-immigrazzjoni.

Huwa f’waqtu li nispjega għaliex il-prinċipju ta’ solidarjeta’ fil-każ tat-taxxa mhux applikabbli. Biex nispjega dan, ser nagħti eżempju ta’ żewġ individwi li jiżżewġu. Filwaqt li l-qligħ kollu u l-investiment li jsir matul iż-żwieġ, ikun komunitarju u diviżibbli bejn iż-żewġ partijiet, dawk l-assi u investiment ta’ qabel iż-żwieġ, ikun jappartjeni lill-indivudwu li kien akkumula dawk l-assi.

Fejn tidħol taxxa, peress li kull pajjiż li qabel ma’ daħal membri sħiħ tal-Unjoni Ewropea, kellu sistema ta’ tassazzjoni, kien sar qbil li dik is-sistema tibqa’ fis-seħħ anki meta il-pajjiż isir membru tal-Unjoni Ewropeja. Dak huwa prinċipju aċċettat mit-tmexxijja tal-Unjoni Ewropeja. Għalhekk fejn tidħol taxxa, kull pajjiż li hu Membru tal-Unjoni Ewropeja, għandu l-awtonomija li jiddeċiedi hu meta u jekk ibiddilx is-sistema tat-taxxa.

Huwa minħabba dan il-prinċipju, li aħna, bħala Malta, dejjem waqafna u opponejna kull tentattiv li sar jew qed isir meta xi ħadd jipprova jiddetta x’rata ta’ taxxa għandu jkollna fuq il-profitti reġistrati minn kumpanniji jew xi tidbil ieħor fis-sistema tat-taxxa li nħaddnu; sistema li ilha hemm ferm qabel ma’ dħalna membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea.

Il-prinċipju ta’ solidarjeta’ jidħol fejn pajjiż jgħin lil ieħor biex jilħaq dak il-livell ta’ għejxien li hemm fil-pajjiżi l-aktar sinjuri tal-Unjoni Ewropeja. Kull pajjiż li daħal f’din l-Unjoni Ewropea, kellu l-mira u l-ħolma li xi darba pajjiżu jilħaq dak il-livell għoli ta’ ħajja ta’ dawn il-pajjiżi l-aktar għonja fl-Unjoni.

Bl-għaqal tagħha, Malta qed tqarreb lejn dan it-tragward. Malta gawdiet mill-fondi li l-Unjoni Ewropea, permezz tal-programmi tagħha ta’ fondi Strutturali, toffri b’mod speċifiku għal pajjiżi li għandhom livell inqas baxx mill-medja, biex itejbu l-livell ta’ għejxien tagħhom. Grazzi għal dawn il-fondi strutturali, Malta ġiet mgħejuna biex tiżviluppa l-ekonomija tagħha; kien hemm għajnuna għal industrija; investiment fl-infrastruttura bħalma huma it-toroq; u l-ambjent, fost l-oħrajn.

Iżda huwa ferm importanti li żżomm f’moħħok li s-solidarjeta’ qiegħda hemm mhux għal dejjem. Is-solidarjeta’ qiegħda hemm mhux biex titgħażżen u tibqa’ dipendenti fuq is-solidarjeta’, iżda s-solidarjeta’ qiegħda hemm biex tgħinek issir indipendenti u tiżviluppa b’tali mod li ma jkollokx iktar bżonn din l-għajnuna. Fil-lingwa ingliża hemm it-terminoloġija “moral hazard” li bil-Malti tista’ tiġi tradotta “Għejn ruħek biex Alla jgħinek”. Wieħed irid iżomm f’moħħu li l-pajjiżi li qed jikkontribwixxu biex pajjiżi anqas żviluppati minnhom, itejbu l-qagħda tagħhom, lesti li jgħinu sakemm jaraw li hemm dik il-ħeġġa li dawn il-pajjiżi jagħmlu il-parti tagħhom u jibdew jaqdfu għal rashom. Għalhekk l-ebda pajjiż ma jrid iserraħ wisq fuq is-solidarjeta’ għax hemm limitu għal din is-solidarjeta’.

F’dan iż-żmien li l-Membri tal-Unjoni Ewropea qed jiddiskutu l-baġit għal perjodu li jmiss, qed iqumu dawn il-mistoqsijiet. Kulħadd qed jistaqsi kemm ser tkun il-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għal dan il-fond? Għandna xi Stati Membri li filwaqt li jridu jikkontribwixxu mill-inqas, jipprtendu li l-fondi jintużaw għal skopijiet tagħhom imma fl-istess ħin mhux lesti li jagħtu sehemhom fejn jidħol distribuzzjoni tal-immigrazzjoni li qed tidħol ġewwa l-Ewropa min-naħa tal-Afrika ta’ Fuq.

Huwa d-dmir tagħna li nipparteċipaw u nisħqu fuq il-prinċipju ta’ solidarjeta’ sabiex filwaqt li aħna lesti nkomplu nagħtu sehemna biex ngħinu u ntaffu l-problemi li jaffaċċjaw pajjiżi oħra ifqar minna, l- pajjiżi sħabna Ewropej, jgħinu lilna f’din il-problema li qed naffaċċjaw fejn tidħol din il-mewġa ta’ immigrazzjoni.

Il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2018


Ask Edward