Il-pariri tal-IMF


Il-Ġimgħa li għaddiet kien hawn Malta delegazzjoni mill-Fond Mone­tarju Internazzjonali (IMF)  biex teżamina l-ekonomija tal-pajjiż. Kemm damu Malta ltaqgħu ma’ uffiċjali tal-Gvern kif ukoll ma’ delegazzjoni tal-Partit Laburista. Jien iffurmajt parti mid-dele­gazzjoni tal-Partit immexxija minn Dr Joseph Muscat.
Din mhix l-ewwel darba li jien iltqajt magħha d-delegazzjoni tal-IMF. Fil-fatt mill-1996 sal-2003 kont niltaqa’ magħha minħabba r-rwoli tiegħi ta’ direttur jew ċermen fi tliet istituzzjoni-jiet ewlenin tal-pajjż bħalma huma l-Bank Ċentrali, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA) u l-Kunsill Malti Ekonomiku u Soċjali (MCESD).
Minn dak iż-żmien sallum baqgħu jitolbuni biex niltaqgħu magħhom għal xi żmien bħala ekonomista indipendenti u wara bħal Membru Parlamentari Ewro­pej fil-Kumitat fuq l-Affari-jiet Ekonomċi u Monetarji fil-Parlament Ewropew. Għalija kien x’kien il-kappell li kont nilbes dejjem sibtha u għadni nsibha esper­jenza stimulanti ħafna. Meta tiltaqa’ ma’ tim kbir ta’ esperti minn istituzzjoni internazzjonali ta’ prestiġġju bħall-IMF, li xogħolhom hu li jagħmlu konsulta eko­nomika fuq pajjiżek hija xi ħaġa mhix ta’ min jitlifha.
Ir-Rapport li jagħmlu fuq il-pajjiż li jeżaminaw għandu importanza kbira. Fil-passat kien ikun kunfidenzjali u jarawh biss uffiċjali tal-Gvern u tal-Bank. Il-lum l-affarijiet saru trasparenti, ir-rapport jiġi ppubblikat u jidher fuq s-sit tal-Internet. Mhux hekk biss. Dakinhar li t-tim ta’ ekonomisti jitilqu mill-pajjiż iħallu warajhom l-ewwel impressjonijiet tagħ­hom fil-qosor. Fil-fatt ħallew 13-il paragrafu f’forma ta’ rapport qasir li mbagħad jiġi amplifikat iktar tard.
X’kienu l-konklużjonijiet ewlenin tagħhom? Huma għażlu tliet aspetti. Wieħed hu l-ekonomija llum u fejn tistenna tmur fi żmien qrib, l-ieħor hu dwar il-futur ekonomiku ta’ pajjiżna fuq medda twila ta’ snin, u l-aħħar wieħed jitkellem dwar is-settur finanzjarju, inkluż il-banek u l-kumpaniji tal-assikurazzjoni.
Fuq kull aspett jagħtu ġudizzju dwar l-isfidi u r-riskji li jaraw li hemm u x’għandna nagħmlu biex nilqgħulhom.
Fuq l-ekonomija llum, jikkonfermaw dak li l-Partit Laburista ilu jisħaq li t-tkabbir ekonomiku u t-tkattir tax-xogħol huwa mxekkel mhux biss minn dak li qiegħed jiġri internazzjonalment u fiż-Żona Ewro imma mill-fatt li pajjiżna għadu mhedded mid-defiċit u d-djun tiegħu u b’hekk m’għandux wisq spazju biex jimmanuvra. Huma jikkonfermaw li l-previżjonijiet tal-Gvern ma jaqblux ma tagħhom; jaħsbu li t-tkabbir ikun biss ta’ wieħed fil-mija. Din mhix aħbar sabiħa. Jekk dan jitwettaq id-defiċit previst fil-Baġit li fassalna għandu ċans kbir li jerġa’ ma jintlaħaqx.
Għat-tul huma jagħmluha bi kbira iżjed. Jgħidulna li l-isfidi li għandu pajjiżna huma tip li għandhom ibeżżgħuna jew jaqtgħulna qalbna (bl-Ingliż jużaw il-kelma “daunting”). Dawn l-isfidi għal quddiem huma x-xjuħija dejjem tikber tal-popolazzjoni Maltija, l-enerġija, l-edukazzjoni, u l-kompetittività. Staqsu lilkom infuskom għaliex dawn l-oqsma li huma sfidi għal kull pajjiż fid-dinja, l-IMF jaħsbu li għal pajjiżna għandhom ikunu ta’ qtigħ il-qalb jew għandhom ibeżżgħuna. Sempliċi. Għax meta jaraw kemm pajjiżna tħalla jaqa’ lura f’dawn l-oqsma bilfors jaraw l-isfidi jikbru. Billi ma tistax treġġa’ l-arloġġ lura jkollok tpatti  għall-iżbalji tal-passat. Tpatti għal fatt li jkollok ġenerazjoni ta’ nies li seta’ kellhom ħiliet edukattivi aħjar kieku ma ħallewx il-bank tal-iskola kmieni, kieku l-impjant tal-enerġija qadim u ineffiċjenti  tbiddel f’waqtu, kieku d-dejn kien aktar baxx, kieku ma ħallejniex jogħlew il-prezzijiet u tlifna l-kompetittività fil-qasam tal-manifattura u t-turiżmu, kieku r-riforma tal-pensjonijiet saret sew. Kollox jipponta lejn Gvern li fl-istorja ekonomika ta’ pajjiżna se jitniżżel bħal wieħed mill-iktar dgħajjef biex jilqa’ kmieni għall-isfidi fundamentali ta’ pajiiżna.
Għas-settur finanzjarja l-IMF jgħidulna li għandna sfidi oħrajn. Li nsaħħu s-superviżjoni tal-banek u l-iskemi ta’ regolamentazzjoni f’pajjiżna. Għalkemm isostnu li l-banek tagħna huma b’saħħithom xorta jgħidulna biex ma nħallux lil pajjiżna jkollu banek tant kbar li jsiru ta’ theddida għal pajjiżna f’dik li hi stabbilità. S’issa huma diġà għandhom assi li jammontaw għal tmien darbiet il-kobor tal-prodott gross domestiku (PGD) ta’ pajjiżna. Niftakru biss xi ġrala l-Iżlanda meta żewġ banek tagħha fallew u sabu li kienu ferm ikbar mill-pajjiż.  Bl-ingliż l-IMF jirreferu għal frażi li nużaw f’dan il kuntest “too big to save”. Dan m’għandux iħassibna għal dak li għandna llum imma noqogħdu attenti għal futur. L-IMF qed twissina.
Fi ftit kliem l-IMF qed tgħidilna dawn huma r-riskji, eżaminawhom, ippreparaw ruħkom, għamlu pjani ta’ kontinġenza. Żiedu l-fond li jiggarantixxi d-depożiti f’każ ta’ saram. L-istess għall l-isfidi l-oħrajn ekonomiċi.
Nispera li l-Gvern qed jisma’.
Żgur li aħna widnejna miftuħim sew għal dawn il-pariri siewja tal-IMF.

 

L-Orizzont, it-Tnejn, 30 ta’ Jannar, 2012 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *