Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Interviews, Maltese Articles


Il-governanza fiskali li kellna tul dawn iż-żewġ leġiżlaturi kienet strumentali

Il-imxija tal-COVID-19 ġabet magħha konsegwenzi bla preċedent fuq l-ekonomiji globali. Il-mod mgħaġġel li bih infirex il-virus ikkawża pressjoni kbira fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa internazzjonali li ma kientx antiċipata. L-attivita’ ekonomika ħadet daqqa kbira hekk kif bdew jiġu mposti lockdowns f’ħafna pajjiżi sabiex tiġi kemm jista’ jkun limitata l-firxa ta’ dan il-virus. Il-Gvernijiet madwar id-dinja rrispondew għal din il-pandemijia billi illaxkaw il-politika monetarja filwaqt li provdew stimolu fiskali biex inaqsu dan l-impatt negattiv fuq l-ekonomiji.

Il-ġurnal Kulħadd staqsa xi mistoqsijiet lill-Ministru Scicluna dwar il-ħidma tal-Gvern b’rabta mal-imxija tal-COVID-19 u ċ-ċirkostanzi bla precedent li għaddej minnhom bħalissa pajjiżna.

F’Malta, l-imxija tal-pandemija kienet ikkontrollata b’mod tajjeb ħafna meta mqabbla mal-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri f’waqthom li ħa l-Gvern kienu katalisti sabiex jillimitaw it-tixrid tal-virus, tant li l-Għaqda Dinjija ta-Saħħa sejħet lil Malta bħala mudell ta’ kif mexxejna din il-kriżi.

Madanakollu, miżuri stretti bħal dawn ma ddaħlux mingħajr prezz. L-għeluq tal-ajruport u l- lockdown parzjali li ġew imposti biex tiġi mħarsa s-saħħa tal-Maltin u l-Għawdċin, affetwa b’mod sinifikanti s-setturi relatati mat-turiżmu u l-attivitajiet tal-ħin liberu u divertiment, inkluż bejgħ bil-grossa u bl-imnut, servizzi tal-ikel u trasport fost l-oħrajn. Konxji b’dan l-impatt negattiv, bħala Gvern mil-ewwel ħadna azzjoni u bdejna niffokaw il-ħidma tagħna biex infasslu t-tieni baġit għas-sena 2020. Il-Baġit supplimentari kien kompost minn diversi pakketti finanzjarji masuba sabiex itaffu l-pressjoni tal-likwidita’ fuq in-negozji u jgħinu lill-individwi.

Bħala Gvern, konna f’pożizzjoni tajba li nniedu baġit addizzjonali għall-2020 għaliex tlaqna minn punt ta’ ekonomija b’saħħitha. Mill-bidu tal-ewwel leġiżlatura tagħna, bħala Gvern tajna prijorita’ lir-riforma tal-finanzi publiċi. Ħdimna ħafna sabiex inġibu taħt kontroll in-nefqa publika filwaqt li nżidu l-persuni li qegħdin fl-impjieg. Dan sabiex inżidu d-dħul tal-Gvern mingħajr ma nżidu ebda taxxa. Il-pjan tagħna dejjem kien li ntaffu l-piż tad-dejn minn fuq il-familji u nibnu buffer fiskali annwali biex jintuża f’ċirkostanzi negattivi mhux mistennija. Ridna nkunu prudenti u ngemmgħu għal meta jiġi l-maltemp.

Mill-2016 ‘il quddiem, irnexxielna nirreġistraw surplus fiskali kull sena u nnaqqsu l-proporzjon tad-dejn mall-prodott domestiku gross taħt il-limitu tal-Unjoni Ewropea ta’ 60 fil-mija, għal qrib l-40 fil-mija fl-2019. Fl-istess waqt, bħala pajjiż irregistrajna fost l-ogħla tkabbir ekonomiku u fost l-ogħla rati fiż-żieda tal-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, kull sena konsekuttiva. Is-sena li għaddiet, irreġistrajna ukoll it-tielet l-ikbar żieda fir-rati ta’ mpjiegi fost il-persuni ta’ bejn 20 u 64 sena mill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

X’wassal sabiex il-Gvern Malti ikun f’pożizzjoni li jagħti fost l-aqwa pakketti finanzjarji fl-Unjoni Ewropea?

Is-surpluses annwali konsekuttivi li għamilna, kienu fattur importanti ħafna biex ippermettewilna bħala Gvern li jkun f’pożizzjoni li nagħtu fost l-aqwa pakketti finanzjarji fl-Unjoni Ewropea sabiex ngħinu lill-familji, lin-negozji u lil dawk li jaħdmu għal rashom. Bħala Gvern allokajna madwar 2 biljun, li huma ekwivalenti għal ftit iktar minn 15% tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) fl-2019, biex il-Gvern ikollu likwidita’ biżżejjed li biha jkun jista’ jgħin lill-familji, lill-ħaddiema u lill-kumpaniji . Il-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja fih sew għotjiet u sew self u garanziji.

Parti sinifikanti minn dan l-ammont qed jintnefaq fuq garanziji u differimenti tat-taxxa biex intaffu l-pressjoni tal-likwidita’ li qed iħabbtu wiċċhom magħha n-negozji. Il-COVID-19 Guarantee Scheme stabilixxiet fond ta’ garanziji ta’ €350 miljun biex niggarantixxu self mogħti mill-banek kummerċjali biex ngħinu lil dawk in-negozzji li qed jaffaċjaw problemi ta’ cashflow.  Dan ifisser li l-fond ta’ €350 miljun f’garanziji jista’ jilħaq il-portafoll massimu ta’ €777 miljun mill-banek Maltin sabiex nagħtu l-ossiġinu li hemm bżonn lin-negozji biex jibqgħu joperaw. Mhux hekk biss. Il-Gvern ser ikun qed iħallas ukoll b’mod sinifikanti l-interessi tal-pagamenti marbuta mas-self għal sentejn. Din il-miżura se tkun qed tiswa’ lill-Gvern madwar €40 miljun. Għal ħafna negozji l-imgħax għas-sentejn li ġejjin ser ikun kważi żero għax ser iħallsu l-Gvern.

Fl-istess waqt, id-differiment tat-taxxa fuq id-dħul, il-VAT, kontribuzzjoni tas-Sigurta’ Soċjali, u Dazju u Sisa, huma stmati li ser jiswew lill-Gvern bejn il-€200 miljun u l-€400 miljun. Riċentament ħabbarna ukoll li dan id-differiment ser jiġi estiż għal aktar xhur, u l-Gvern ser jaġixxi skont kif ikun l-aħjar interess fiċ-ċirkostanzi futuri.

Miżura oħra li ser ittaffi l-impatt negattiv tal-COVID-19 fuq il-likwidita’ tan-negozji u l-individwi hija l-implimentazzjoni tad-direttiva li tirregola l-moratorju fuq faċilitajiet ta’ kreditu f’ċirkostanzi eċċezzjonali. Din id-direttiva tippermetti lill-kumpaniji u lill-individwi biex jibbenefikaw minn moratorju ta’ 6 xhur fuq il-kapital u l-interessi.

Il-pakkett finanzjarju ta’ żewġ biljuni ikopri ukoll l-iskemi u inizjattivi maħsuba biex jissalvagwardjaw l-impjiegi, jgħinu finanzjarjament lill-familji u jtaffu l-impatt tat-tnaqqis mid-dħul minn fuq l-impjegati. L-iktar miżura mportanti f’dan il-kuntest hija s-suppliment tal-paga ta’ €800 fix-xahar mgħotija lil dawk kollha li jaħdmu full-time u għal dawk li jaħdmu għal rashom. Flimkien maż-żieda pprovduta minn min iħaddem, din il-miżura tassigura lill-kumpaniji biex iżżommu lill-ħaddiema tagħhom fl-impjieg. Tajna ukoll għotja lil dawk il-ġenituri li jieħdu ħsieb it-tfal u ma jistgħux jaħdmu permezz tat-teleworking u kif ukoll għotja lill-persuni b’diżabilita’ li jaħdmu iżda li jagħzlu li joqogħdu d-dar. Qed nagħtu ukoll benefiċju speċjali tal-qagħad lill-impjegati li kellhom l-impjieg tagħhom terminat kawża ta’ din il-pandemija, filwaqt li s-susidju fuq is-self tad-djar qed jingħata ukoll lil dawk li ġew imwaqqfa mix-xogħol. Qed ngħinu ukoll persuni b’kundizzjonijiet kroniċi li ma jistgħux jattendu għax-xogħol u qed nagħtu somma f’daqqa lil min iħaddem, għal dawk l-impjegati li jinsabu fuq leave tal-kwarantina. 

Qed nallokaw ukoll €150 miljun addizzjonali lis-settur tas-saħħa sabiex nassiguraw li jkollna l-mezzi kollha meħtieġa f’din il-ġlieda kontra din il-pandemija, biex nissalvagwardjaw is-saħħa taċ-ċittadini kollha.

Riżultat ta’ dawn il-miżuri, in-nefqa totali mistennija li tiżdied għal iktar minn €500 miljun din is-sena. Aħna bħala Gvern komessi li nagħmlu dak kollu possibli sabiex inkomplu nkunu ta’ spalla għall-familji u għan-negozji fi żminijiet diffiċli bħal dawn.

Bħala Gvern, kif ser ikompli jindirizza din l-isfida minn issa ‘l quddiem?

Bħala Gvern issa ninsabu għaddejjin bil-ħidma tagħna biex nimplimentaw it-tieni fażi ta’ dan il-pjan ta’ għajnuna finanzjarja, dik li nfasslu strateġija mmirata biex nibdew il-fażi ta’ rkupru tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.  Madanakollu, ser nibqgħu nkunu responsabli u nassiguraw li filwaqt li nipprovdu l-għajnuna finanzjarja meħtieġa, ma nitilfux il-kontroll fuq id-dejn nazzjonali għaliex dan jiddetermina kemm l-ekonomija tirkupra malajr u kemm tkun preparata għal avvenimenti oħra li m’humiex prevedibli fil-futur.

L-andament ekonomiku u fiskali b’saħħtu tal-ekonomija Maltija mistenni li jippermettilna bħala pajjiż li nkunu f’pożizzjoni li nirkupraw malajr. Filfatt, fl-aħħar rapport li ħarġet fuq Malta l-agenzija ta’ kreditu Fitch, sostniet li għalkemm Malta mistennija li toħroġ minn din il-kriżi bl-livelli ogħla ta’ dejn publiku, s-suċċessi ekonomiċi li nkisbu fl-aħħar snin, inkluż is-surpluses konsekuttivi ta’ bejn l-2016 u l-2019, ipoġġuna f’sitwazzjoni aħjar minn pajjiżi oħra sabiex nirkupraw u nikkonsolidaw il-finanzi publiċi fuq medda medja taż-żmien. Bl-istess mod, it-tkabbir ekonomiku qawwi ta’ Malta, il-livelli għoljin ta’ ġid li kapaċi jassorbu dan l-impatt, il-piż tad-dejn affordabli u kif ukoll bażi ta’ finanzjament domestiku affidabli, wasslet lill-Moody’s sabiex tafferma lil Malta bi klassifikazzjoni ta’ A2 bi prospetti stabbli, minkejja li ninsabu f’nofs din il-kriżi globali tal-pandemija COVID-19.

Barra minn hekk, l-IMF ukoll qed tbassar li l-ekonomija Maltija tirkupra b’mod b’saħħtu mill-effetti tal-COVID-19. Tant hu hekk li fil-World Economic Outlook tagħha għas-sena 2020, IMF qed tistenna li Malta tirreġistra l-inqas tkabbir ekonomiku negattiv minn fost il-pajjiżi kollha li hi tevalwa.

Għalhekk ser nibqgħu nieħdu d-deċiżżjonijiet b’mod responsabli sabiex meta din il-pandemija globali tkun spiċċat, bħala pajjiż ikunu kapaċi nimxu ‘l quddiem mingħajr miżuri ta’ awsterita’ li huma mistennija minn ħafna pajjiżi oħra li kif ser joħorġu minn din il-kriżi ser ikunu mgħobbija b’dejn kemm publiku u kif ukoll privat. 

03.05.2020

Ask Edward