Deċiżjonijiet diffiċli dwar il-Libja


Immaginaw lil xi ħadd li jkollu argument fil-familja u jisma’ l-qan­piena tal-bieb tad-dar iċċempel. Ikun il-Pulizija li sema’ xi ilħna għoljin u issa jrid ikun jaf x’ġara, biex jindaħal u jżomm ma’ xi naħa jew oħra. Narawha barra minn lokha. Daqshekk ieħor pajjiż barrani m’għandu l-ebda awtorità li jindaħal fil-kwistjonijiet interni ta’ xi pajjiż ieħor.

Irridu nitilqu mill-punt li s-sovranità ta’ pajjiż hija l-aktar ħaġa sagrosanta. Fejn kull poplu għandu jkun hu, u hu biss, li jiddeċiedi kif jitmexxa u minn min jitmexxa. Sadanittant mhux f’kull pajjiż titħaddem id-demokrazija u għalhekk mhux kull Gvern igawdi mil-leġittimità sħiħa li jagħ­tih il-poplu. Hemm pajjiżi li huma demokratiċi, hemm oħrajn li huma inqas demokratiċi u hemm pajjiżi li m’huma demokratiċi xejn. Però difettuża kemm hi difettuża s-sistema li biha jkun qiegħed jitmexxa pajjiż, mhux ġustifikabbli u ma tagħti ebda dritt lil xi pajjiż ieħor jindaħal fl-affarijiet interni tal-pajjiż konċernat.

Fl-istess ħin, sakemm qiegħed nikteb, is-sitwazzjoni fil-Libja sejra kulma tmur għall-agħar. S’issa ma nafux kemm nies tilfu ħaj­jithom fl-irvellijiet u fir-reazzjoni għalihom min-naħa tal-armata Libjana. Għalkemm l-istorja bdiet b’qawmien popolari Libjan kontra Gvern awtoritarju, u mnebbaħ mill-ġirien Tuneżini u Eġizzjani, qegħdin naraw li l-mudell mhux qiegħed japp­lika l-istess fil-każ tal-Libja.

Permezz ta’ milizzji bbażati fuq nies minn tribù ta’ Gaddafi u suldati Afrikani armati sa snienhom b’armamenti u munizzjon mibjugħ lilhom mill-Ewropej, u l-użu tal-karrottu u l-istikka fuq ir-residenti ta’ Tripli, qiegħda tingħata l-idea li hemm gwerra ċivili bejn il-poplu nnifsu.

Hemm x’hemm, jekk inħossu li veru hemm drittijiet umani li qegħdin jitkasbru b’atroċitajiet fuq nies inno­ċenti, aħna bħala Ewropej jew bħala Maltin kif se nirrispondu?

Is-sitwazzjoni tieħu perspettiva oħra meta l-vjolenza teskala b’mod li jkunu qegħdin jitwettqu krimini kontra l-umanità, bħalma huma ġeno­ċidji, il-qtil ta’ nies innoċenti, b’tali mod biex jidher li qiegħda tinżamm l-ordni. Tali sitwazzjoni twassal biex jista’ jkun ġustifikat l-indħil ta’ gruppi ta’ pajjiżi oħrajn biex iwaqqfu l-ġenoċidji, il-qtil tal-innoċenti.

Bħal fil-każ tal-argument fil-familja, jekk tiżbroffa fi vjolenza u parti titlob l-għajnuna, il-Pulizija nistennewha li tieħu passi. Il-problema hi li l-pajjiżi tad-dinja la għandhom Gvern fuqhom u lanqas m’għandhom pulizija. Li għandna hija ko­a­lizzjonijiet ta’ pajjiżi li jitbidd­lu mil-lum għal għada u b’interessi kbar speċjalment meta l-pajjiż ikollu xi riżors bħalma huwa ż-żejt. Il-problema għalhekk tikkumplika ruħha sew.

Għax din mhux kwistjoni li pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi taħt l-awspiċi ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew oħra, qegħdin jibagħtu għajnuna umanitarja, mediċini, ikel jew ħwejjeġ, jew qegħdin jittieħdu refuġjati li innoċentement inqabdu f’nofs in-nar.

Din qiegħda twassal għal sitwazzjoni fejn l-intervent irid ikun militari, fejn trid tintuża l-forza u se tintuża f’pajjiż sovran. Ġeneralment tali intervent m’għandux isir minn pajjiż individwali. Anke hawn ma jkunx ifisser li hemm xi soluzzjoni faċli. L-istorja tal-intervent mill-pajjiżi tan-NATO fil-Balkani hija waħda riċenti u x’aktarx li għadhom lanqas ittieħdu l-lezzjonijiet kollha li kellhom jittieħdu.

Għalhekk mhux kull intervent jista’ jkun aċċettabbli għall-istess poplu li fl-interess tiegħu jkun qiegħed isir. Dej­jem jista’ jqum id-dubju dwar x’ikun l-interess primarju ta’ min jagħmel l-intervent, u għalhekk l-ideal tal-qawma popolari jittebba’ u jikkomplika ruħu. Tali sitwazzjoni ssaħħaħ l-argument li idealment jekk għandu jkun hemm “indħil barrani” dan għandu jkun mill-Ġnus Magħquda.

U jekk din ma taġixxix? Hija sitwazzjoni li titlob li tkun diskussa fil-fond sakemm tinstab soluzzjoni li kull pajjiż ikun jista’ jgħix biha.

Dan iġibni għall-punt dwar ir-rwol ta’ pajjiżna. Malta tat sehem kbir kemm mil-lat pubb­liku kif ukoll mil-lat privat. It-titjiriet ta’ evakwazzjoni ta’ eluf ta’ nies li għamlet, u tista’ tkompli tagħmel l-Air Malta, is-sehem tal-Armata u l-Avjazzjoni Ċivili flimkien mas-sehem privat, primarjament bil-vjaġġi tal-katamarani tal-Virtù Ferries, kienu strumentali fejn tidħol missjoni umanitarja. Ma’ dan irridu nżidu l-faċilitajiet portwali li ngħataw bastimenti navali u tal-passiġġieri barranin biex setgħu ġew evakwati mil-Libja eluf ta’ ħaddiema minn madwar 90 pajjiż differenti.

Fir-rigward ta’ intervent militari Malta għandha tagħ­mel il-wisgħa għal pajjiżi oħrajn li għandhom bażijiet militari Ingliżi u Amerikani f’Ċipru u l-Italja rispettivament. Min-naħa l-oħra jekk il-kawża tkun ċara li hi ġusta u l-poplu Libjan jitlobna l-għajnuna għax ikun qiegħed jgħaddi minn xi ġenoċidju tal-waħx, m’għandniex nilagħ­buha tad-dojoq u nib­qgħu b’idejna fuq żaqqna filwaqt li eluf ta’ familji sħaħ ikunu qegħdin jinqatlu. Żgur li l-istorja ma taħfrilniex.

Żgur li dak li għaddej fil-Libja se jfisser emigrazzjoni qawwija, legali u mhix, minn dawk li jridu jaħarbu mill-periklu. Is-sitwazzjoni attwali fuq il-fruntiera Libjana/Tuneżina għandha sser­vi ta’ mera mill-aktar ċara.

Għalhekk waqt li għaddej dan kollu pajjiżna għandu jaħtaf l-opportunità biex waqt li juri s-sehem kbir li ta, juri li dan tah mhux biex ikun mexa fuq xi direttiva tal-Unjoni Ewropea, iżda għax ħass li r-raġuni u kuxjenza umanitarja ġagħlitu li jaġixxi b’dan il-mod.

Għalhekk, ngħid għalija, se nisħaq fil-Parlament Ew­ro­pew li issa nistennew li l-UE tagħmel l-istess fuq il-kwistjoni tal-immigranti u tiżblokka darba għal dejjem is-sistema loġika u bla sens li qiegħda titmexxa permezz tad-Dublin II.

Ninsisti li ħaddieħor m’għandux joqgħod iċiċċi kwiet għax il-kriżi fil-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq qiegħda bogħod mill-fruntieri tie­għu. Issa huwa l-mument opportun biex Malta ddur fuq l-Unjoni Ewropea u tinsisti b’determinazzjoni li ninsabu fil-mument tal-ve­rità dwar jekk il-kunċett tas-solidarjetà hux duħħan fl-ajru jew le.

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *