Baġit li ma kkonvinċiex


Waqt l-eċċitament u spekulazzjoni­jiet li ġraw dawn l-aħħar jiem sew fuq avveni­menti politiċi u dawk ta’ kronaka lokali baxx baxx iżżerżqet l-aħbar li l-Gvern se jagħmel xi reviżjoni par­zja­­li fil-Baġit li għadu kemm għadda. Ir-raġuni li ta l-Prim Ministru hi li l-andament ekonomiku minn nofs Novembru lil hawn ħżien.

Sa fejn naf jien u jaf kul­ħadd is-sitwazzjoni ekono­mika matul il-ġimgħat tal-festi baqgħet l-istess u għalhekk l-iskuża għal din ir-reviż­joni hi fjakka għall-aħħar.
Il-verità mhi xejn ħlief dak li bassarna li se jiġri meta, waqt id-diskussjoni tal-Baġit, konna rrimarkajna li l-Gvern kellu ħafna x’jispjega għal fatt li l-figuri tiegħu u dawk tal-Kummiss­joni Ewropea fir-rigward it-tbassir ekonomiku u finanzjarju ma jaqblux. Il-Gvern kien qed ibassar tkabbir ekonomiku f’pajjiżna daqs dak tal-Ġermanja u għalhekk id-dħul tiegħu kien tant tajjeb li seta’ mingħajr ħafna sagrifiċċji jistma li seta’ jniżżel id-defiċit għal taħt it-3% f’Diċembru li għadda u jibqa’ nieżel iktar ’l isfel din is-sena u ta’ waraj­ha. Għall-kuntrarju l-Kummissjoni bassret li d-defiċit għalkemm seta’ jinżel sa 3% fl-2011 jerġa’ jispara ’l fuq fis-sentejn ta’ wara. Għal dak li hu d-Dejn Nazzjonali il-figura kienet stmata li se tibqa’ tispara ’l fuq. Hawn ukoll l-andament hu għall-kuntrarju għal dak li kien qed jbassar il-Gvern.
Kien għalhekk li l-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli Rhen f’Novembru li għadda bagħat ittra lill-Gvern Malti fejn talbu jibgħatlu sal-aħħar ta’ Diċembru li għadda “xhieda konvinċenti” li l-Gvern kien se “jrażżan id-defiċit b’mod sostenibbli”.
Tiftakru kemm aħna u l-Leader tagħna kkritikajna l-Baġit minn dawn il-paġni ta l-orizzont u mezzi oħrajn tax-xandir li bil-‘one-offs’ u tbassir ottimista dan il-Baġit la kien konvinċenti u lanqas sostenibbli.
Għall-kritika tagħna l-Mi­nistru tal-Finanzi Tonio Fenech kien wieġeb li l-Kummissjoni kellha din id-diskrepanza għax il-mudell tal-Kummissjoni hu konservattiv di natura, li l-esperti tal-Kummissjoni għadhom mhux midħla tal-Baġit li qed jippreżenta l-Gvern u raġunijiet oħrajn. Il-Prim Ministru kien iktar kategori­ku. Meta mistoqsi minn ġurnalista waqt konferenza stampa “int konvint li dan il-pjan li se jmur quddiem il-Kummissjoni Ewropea se jkun konvincenti biżżejjed biex taċċettah?” il-Prim Ministru wieġeb “jien konvint”.
L-ittra li rċieva l-Prim Mi­nistru mingħand il-Kummissarju tagħti raġun lilna. Iva, il-Baġit għas-sena 2012 ma kkonvinċiex. Iva, il-Gvern mar żmerċ għal darb’oħra fl-estimi tiegħi. Din id-darba qed tikkonfermah il-Kummiss­joni Ew­ropea. B’differenza waħ­da. Din id-darba l-Gvern irid jagħti kas x’qed jgħidulu għax jekk ma jismax hemm pieni ħorox għal pajjiżna.
X’inhi t-tweġiba tal-Gvern. X’wiegħed li se jagħmel biex jikkonforma. Qed iwiegħed li se jaqta’ l-figura tal-ispiża kurrenti għal din is-sena b’figura ta’ €40 miljun. Sintendi kontra dak li għamel ħafna drabi fil-passat mhux il-waqt li jgħolli t-taxxi b’dak l-ammont biex iżomm l-ispiża tiegħu intatta.
L-indikazzjonijiet huma skarsi. Intużaw perċentwali tal-Prodott Gross Domestiku (PGD) u ma ssemmewx valuri ħalli ma jdarrsux. Il-figura ta’ €40 miljun ma ssemmietx imma hi stima li għamilt jien fuq il-valur stmat tal-PGD għal din is-sena. Xi jfissru għal Maltin u Għawdxin?­
Għaxar miljuni se jitnaqqsu mill-pagi taċ-Ċivil. Jien nistma li jridu jitnaqqsu bejn 400 u 500 mitt impjieg u xi 400,000 siegħa sahra. Il-kumplament jiġifieri €30 miljun jitnaqqsu mill-programmi u inizjattivi u mill-entitajiet pubbliċi. Kemm minn dawn huma pagi u postijiet tax-xogħ­ol għadna ma nafux.
Li nafu żgur hu li l-proġetti kapitali mhux se jintmissu. Jekk dawn il-proġetti jinkludu investiment importanti għal pajjiżna speċjalment fejn dawn huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea dan hu sew. Però dan jidher li se jinkludu proġetti vojta li jifilħu jistennew.
Dawn jinkludu bieb il-Belt, it-teatru bla saqaf u Parlament ġdid. Possibbli għandna l-istonku nkomplu bihom fi żmien meta se jintilfu l-impjiegi. Dan kollu biex tinqata’ ż-żigarella qabel l-Elezzjonijiet Ġenerali?
Fl-opinjoni tiegħi naħseb li l-opinjoni pubblika mhux se tippermetti li dawn il-proġetti jibqgħu għaddejjin qisu xejn mhu xejn. Stennew U-turn oħra bħal taż-żieda tal-€500. Qabel l-elezz­jonijiet kollox hu possibbli.

L-Orizzont, it-Tnejn, 9 ta’ Jannar, 2012 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *