Aħjar tard milli qatt


“Li jikkonċerna l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli Rehn huma d-dinamiċi tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna, li huwa mbassar li jikber fl-2012 u l-2013”

Il-ġimgħa li għaddiet, fi Strasburgu, smajna l-President tal-Kummissjoni Ewropea Barroso jitkellem, fis-seduta Plenarja, dwar il-ħtieġa ta’ pjan Ewropew għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Ewreka! Aħjar tard milli qatt. Naturalment dan sar meta l-mudell tal-awsterità, waħdu, kien qed ifalli bil-kbir. L-intenzjonijiet tajbin u l-kliem sbieħ mhumiex biżżejjed. Kull politiku jaqbel li hemm il-ħtieġa li noħolqu aktar postijiet tax-xogħol u nistimulaw it-tkabbir.

Iżda li nesiġu mill-Kummissjoni huwa pjan koerenti. Minflok ingħatajna ftit ideat standard mitfugħin ‘l hemm u ‘l hawn bla pjan komprensiv bil-punti tat-tluq u tal-wasla.

S’issa rajna l-parlamenti Griegi, Taljani u Spanjoli jorbtu lil pajjiżhom li jwettaq serje oħra ta’ miżuri ta’ awsterità ħorox. Anki f’każ tal-aħjar xenarju possibbli, dawn il-pajjiżi ser jaraw biss titjib marġinali, jekk jarawh, fil-proporzjon tad-dejn tagħhom billi l-ekonomiji tagħhom diġà għaddsu f’riċessjoni twila.

Fid-dawl ta’ din il-kriżi, għandna naqblu lkoll dwar il-ħtieġa ta’ kontroll aħjar fuq il-finanzi pubbliċi. Madankollu, niżbaljaw jekk nassumu li t-Trattat dwar il-Patt Fiskali, li ġie nnegozjat fis-Summit ta’ Diċembru, joffri xi soluzzjoni maġika. Għalkemm jinkorpora xi impenji importanti, it-Trattat dwar il-Patt Fiskali jipprovdi biss parti żgħira mis-soluzzjoni għall-problemi fuq terminu ta’ żmien twil li jiffaċċjaw l-ekonomiji tal-UE, inkluża dik ta’ Malta. Fil-fatt, it-Trattat huwa konċiż b’mod sorprendenti. L-Artiklu 3 jgħidlek kull ma għandek bżonn tkun taf. Biex żgur ma jkun hemm l-ebda ekwivoku, jiddikjara li, “il-baġit tal-gvern ġenerali trid tkun ibbilanċjata jew b’eċċess (surplus)”. Fi żminijiet diffiċli, huma permessi defiċits sa wieħed fil-mija jekk id-dejn tal-pajjiż ikun baxx, u nofs dak jekk id-dejn jaqbeż is-60 fil-mija. Dawn ir-regoli għandhom ikunu ankrati fil-Kostituzzjoni ta’ kull membru stat fiż-żona ewro.

Qabbel dan ma’ dak li ġara dan l-aħħar meta d-defiċits tħallew jogħlew ħafna aktar minn din ir-regola. Il-mistoqsija li ħadd ma jissogra jsaqsi hija din. Id-dinja kienet tiskansa l-ewwel mewġa ta’ kriżijiet globali kieku din ir-Regola Tad-Deheb kienet inkorporata fil-Kostituzzjonijiet tagħhom?

 

Il-messaġġ tat-Trattat huwa ċar – skarta l-kotba kollha li jittrattaw il-mudell ekonomiku ta’ Keynes u imxi fuq it-teorija klassika ekonomika Ġermaniża li, inċidentalment, kienet il-kawża tad-Dipressjoni l-Kbira li ħakmet id-dinja fis-snin tletin. Din id-darba ser nidħlu għaliha b’għajnejna miftuħin.

 

 

Madankollu, nafu, mill-esperjenza tagħna stess, li l-gvernijiet ma jistgħux jibqgħu jonfqu aktar milli jdaħħlu ad eternum. Dan rajnieh f’Diċembru li għadda meta, minkejja assigurazzjonijiet ripetuti mill-Ministru tal-Finanzi Malti li ma kellniex fuq xiex ninkwetaw, Brussel ordnalna naqtgħu €40 miljun oħra mill-baġit. L-ammont ta’ skemi jew opportunitajiet fiskali uniċi maħsubin biex jaħbu l-problemi fil-finanzi pubbliċi huma limitati. Li jikkonċerna l-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji Olli Rehn huma d-dinamiċi tad-dejn nazzjonali ta’ pajjiżna, li huwa mbassar li jikber fl-2012 u l-2013.

 

Tkabbir ekonomiku


L-aktar ħaġa sinifikanti fit-Trattat huwa dak li ma jissemiex – jiġifieri t-tkabbir
ekonomiku. Minkejja l-wegħdiet kollha li fih dwar id-dixxiplina baġitarja u s-sanzjonijiet awtomatiċi għal imġiba ħażina, it-Trattat aktar jixbaħ xi riżoluzzjoni tas-sena l-ġdida milli attentat serju biex ifejjaq lill-Ewropa mill-mard ekonomiku.

Imkien m’hemm imniżżel li r-rata kiefra ta’ qagħad fl-Ewropa, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ, hija aktar ta’ dannu għas-saħħa ekonomika tagħha fuq tul ta’ żmien. Il-qagħad fost iż-żgħażagh jaqbeż l-40 fil-mija fi Spanja u huwa anki ogħla fil-Greċja.

Fil-każ ta’ Malta l-problema hija r-rata tal-impjieg mhux ir-rata tal-qagħad, jiġifieri dawk biss li jirreġistraw.. Fil-fatt l-istatistiċi li jkopru Novembru li għadda juru li l-irġiel Maltin b-impjieg full time naqas b’xi 600 meta mqabbel mal-istess xahar tal-2008.

Biex l-UE tirkupra ekonomikament, irid jiġi aċċettat li l-ħolqien tax-xogħol huwa
importanti daqs id-dixxiplina fil-baġits. Tmur lil hinn minn dan; ma nistgħux nistennew li nibbilanċjaw il-baġits mingħajr aktar impjiegi. Huwa għal din ir-raġuni li l-Patt Fiskali li jinkorpora xi impenji importanti ma jistax jipprovdi s-soluzzjonijiet kollha waħdu. Qiegħed biss jipprova jittratta parti waħda biss mill-kwistjoni.

Għalija hija esperjenza partikolari fil-Parlament Ewropew, nara l-politika ewropea
toħloq blind spots sinifikanti għal daqstant leaders ekonomiċi ta’ esperjenza.

 

 

 

 l-orizzont : It-Tnejn, 23 ta’ April, 2012


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *