Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqqgħu lir-rappreżentanti tas-setturi ekonomiċi Għawdxin mas-Sinjura Sophie Chen, koordinatur ta’ delegazzjoni ta’ investituri Ċiniżi biex jiddiskutu l-potenzjal għal investiment f’Għawdex.
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦAL GĦAWDEX
Il-Ministru Scicluna qal li huma ħafna d-delegazzjonijiet u anke investituri li jżuru Malta biex jiddiskutu l-investiment, madanakollu huma ftit li jispiċċaw imorru Għawdex u jaraw b’għajnejhom il-potenzjal li toffri l-gżira.
“L-iskop illum kien li għandna delegazzjoni Ċiniża importanti ġejja f’pajjiżna u l-membru li se tikkoordina din id-delegazzjoni ġiet mistiedna żżur Għawdex. Dan sar biex ir-rappreżentanti tas-setturi ekonomiċi Għawdxin jispjegaw fi kliemhom il-prijoritajiet tal-gżira Għawdxija. L-Uffiċċju tal-President għen biex din iż-żjara sseħħ,” qal il-Ministru Scicluna.
Il-Ministru Justyne Caruana qalet li l-Ministeru għal Għawdex għaddej b’ħidma sfieqa biex jiġi attirat aktar investiment dirett barrani lejn il-gżira Għawdxija u dan qed iseħħ b’diversi modi. Qalet li t-taħdidiet li l-Ministeru qed ikollu ma’ diversi entitajiet qed jagħtu l-frott u d-delegazzjoni miċ-Ċina hi xhieda ta’ dan.
Il-Ministru għal Għawdex saħqet li eżerċizzji bħal dawn u li fihom jikkonkorru entitajiet u persuni mis-settur kummerċjali f’Għawdex ikomplu jwasslu messaġġ b’saħħtu li Għawdex hu post miftuħ u lest jilqa’ aktar investiment barrani. Il-Ministru Caruana qalet li delegazzjoni bħal din li għandna fostna llum tagħti bosta opportunitajiet ta’ investiment u possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni f’diversi oqsma.
Wara l-laqgħa l-Ministri Scicluna u Caruana akkumpanjaw lid-delegazzjoni biex iżuru numru ta’ proġetti b’oqsma ekonomiċi diversi mal-gżira.