Aktar xogħol mill-istituzzjonijiet Maltin fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus


Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jkun qed jippreżenta pakkett ta’ miżuri li permezz tiegħu ser ikun hemm iżjed sinerġija bejn l-istituzzjonijiet fil-ġlieda tagħhom kontra l-ħasil tal-flus. Ħabbar dan il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna waqt li kien qed jindirizza s-67 laqgħa tal-Kumitat Konġunt dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu fi ħdan l-FIAU.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

Huwa qal kif sa issa diversi entitajiet bħal l-MFSA, l-FIAU, il-Bank Ċentrali, l-Asset Recovery Bureau, u l-Pulizija diġà qed jagħmlu x-xogħol tagħhom, madanakollu dawn ma jistgħux ilaħħqu waħidhom u għandhom bżonn l-għajnuna ta’ partijiet oħra fosthom l-aġenti tal-propjetà u n-nutara fost oħrajn, billi wkoll jirregolaw lilhom infushom.

Huwa qal li, “Bħalissa għadna kemm ħriġna minn maltempata u minflok noqgħodu nwaħħlu f’dak u l-ieħor, issa l-importanti hu li r-regolaturi jmeddu idhom għax-xogħol. Se nuru kif permezz ta’ dan il-pakkett bħala pajjiż jista’ jirristruttura l-istituzzjonijiet u jaffaċja dawn l-isfidi. Fil-fatt, dan se jiffoka fuq l-istituzzjonijiet u r-relazzjonijiet ta’ bejniethom.”

Il-Ministru Scicluna sostna li permezz ta’ dan, Malta se turi lid-dinja li aħna qed inħarsu ’l quddiem u kapaċi niġġieldu din il-kriminalità li qed twassal għal ħasil tal-flus.

Fid-diskors tiegħu huwa spjega li r-raba’ direttiva Ewropeja dwar il-ħasil tal-flus issa ngħalqet mal-Kummissjoni, iżda fadal ħwejjeġ żgħar oħra bħalma huma regolamenti li jaffetwaw l-aġenti tal-propjetà u l-avukati. Hu qal li l-gvern se jkompli jaħdem fuq il-ħames direttiva, dik dwar ir-reġistri, fejn mhux se jħalli lok li wieħed jistaħba wara ras xi ħadd.

Il-Ministru temm jgħid li,“F’dawn l-aħħar 25 sena dawn il-proċessi ta’ evalwazzjonijiet kienu jsiru bil-kwiet u l-pajjiż kien ikollu l-ħin biex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu. Però din id-darba l-Oppożizzjoni qed jaraw kif itelfu u jippreġudikaw dan il-proċess li dejjem sar fil-kwiet. Li kieku qegħdin fil-qorti l-kawża titwaqqa’.”

   

Friday 21st June 2019

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *