Żjara mhux tas-soltu f’Ċipru


Fl-aħħar jumejn ta’ Ottubru li għadda s-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, Ban Ki-Moon, sejjaħ fi New York lill-President ta’ Ċipru u lill-President tar-Repubblika tat-Tramuntana ta’ Ċipru bil-għan li jżomm ħajja t-tama li xi darba ż-żewg naħat jitwasslu għal ftehim. Għaddew 37 sena minn meta l-armata Torka invadiet il-parti ta’ fuq ta’ Ċipru. Invażjoni li wasslet biex il-pajjiż inqasam u hekk għadu sal-lum. Mill-invażjoni Torka tal-20 ta’ Lulju, 1974, il-parti ta’ fuq ta’ Ċipru baqgħet dejjem okkupata u f’Novembru tal-1983 din il-parti ġiet iddikjarata bħala r-Repubblika tat-Tramuntana ta’ Ċipru, repubblika rikonoxxuta biss mit-Turkija. Tul is-snin saru diversi attentati bil-għan li jwasslu għal soluzzjoni. Kollha fallew.
Inzerta li fl-istess jiem tal-laqgħa fi New York kont qed nifforma parti minn delegazzjoni tal-Parlament Ewropew li kienet qiegħda żżur Ċipru fuq stedina tal-Membru Parlamentari Ewropew Demokratiku Ċiprijotta Antigoni Papadopoulou u mir-Rappreżentanza tal-Knisja ta’ Ċipru għall-UE. Il-ħsieb wara l-istedina kien li jwassluna naraw b’għajnejna u nitkellmu man-nies biex inkunu nafu x’iħossu, x’għadu jweġġagħhom minkejja li għaddew 37 sena minn dan l-aħħar avveniment. Fil-Parlament Ewropew il-każ ta’ Ċipru jitqajjem kultant f’kuntest jew ieħor speċjalment fl-isfond tal-applikazzjoni Torka għal sħubija fl-UE.
L-invażjoni Torka fissret li madwar mitejn elf persuna Ċiprijotta Griega, kellha titlaq minn darha fin-naħa ta’ fuq ta’ Ċipru. Sal-lum, dawk li tkeċċew mit-Torok għadhom jikkunsidraw lilhom infus-hom bħala refugjati, jgħixu f’postijiet li bnielhom il-Gvern, jiffrekwentaw il-knejjes u każini tagħhom, u għadhom jorganizzaw saħansitra elezzjonijiet biex jeleġġu kunsilli u sindki għal bliet u rħula li kienu jgħixu fihom imma li m’għandhomx aċċess għalihom. Qishom kunsilli fl-eżilju. Inkredibbli.
Qalulna dwar il-qsim il-qalb kull meta jkun hemm minnhom li jżuru l-postijiet fejn kienu jgħixu qabel u jiltaqgħu ma’ Torok immigranti mit-Turkija li qegħdin jgħixu f’dawk li kienu djarhom, li anke juruhom xi ritratti u oġġetti li sabu fil-post meta kellhom jabbandunawhom ħesrem.
Weġġgħatna x-xena komuni ta’ knejjes Ortodossi Griegi fin-naħa Torka, miftuħa beraħ, misruqa mir-rikezzi tagħhom, vandalizzati u fi stat ħażin ħafna. Ftit huma vojta, oħrajn saħansitra jinżammu fihom l-annimali, u oħrajn mibdulin f’moskej.
Però l-iktar dehra li bħala uman, tkexkxek kienet ix-xena fi tliet ċimiterji li żorna, fejn lanqas min kien midfun ma tħalla fil-mistrieħ ta’ dejjem. Tkissru slaleb u rħamijiet ta’ fuq l-oqbra. Inqalgħu skeletri, bl-għadam jixxerred ma’ kullimkien. Għaddew 37 sena u x-xena għadha dik li kienet ftit jiem wara l-invażjoni. La rranġaha l-invażur u lanqas tħalla jirranġaha l-vittma. Hi sitwazzjoni ta’ qsim il-qalb, li ma tirriflettix għajr mibegħda u li sservi biss biex iżżid mat-tensjoni u tbiegħed il-possibbiltà li l-poplu tal-gżira Ċiprijotta jingħaqad bħala poplu wieħed taħt xi forma amministrattiva jew oħra. Xewqa li tista’ tkun espressa biss b’referendum.
Minn dak li rajt u smajt ma naħsibx li liċ-Ċiprijotti Griegi ddejjaqhom il-preżenza ta’ Ċiprijotti Torok. Filfatt iż-żewg razez jaqsmu l-fruntiera u jitħalltu min għal ħaġa u min għal oħra. Li ħassejt żgur huwa li l-oppożiżżjoni taċ-Ċiprijotti Griegi hi għall-preżenża tal-armata Torka. Tweġġagħhom li trid passaport biex iżżur dik li darba kienet darhom fil-parti l-oħra ta’ Ċipru.
Dan sakemm qed nitkellem mil-lat tan-negattiv. Pożittiv hemm ukoll. Pass mill-aktar pożittiv u li jista’ jgħin bis-sħiħ lejn rikonċiljazzjoni hija l-ħidma konġunta bejn Ċiprijotti Griegi u Ċiprijotti Torok fir-rigward ta’ madwar elfejn persuna li ilhom rappurtati neqsin sa mill-perjodu ta’ ġlied interkomunitarju fis-snin 1963/64 u dak b’riżultat tal-invażjoni Torka fl-1974. Ġrajjiet vjolenti li ħallew neqsin 1,493 Ċiprijott Grieg u 502 Ċiprijott Tork. Proġett li huwa appoġġat b’qawwa mill-Ġnus Magħquda u mill-UE. Proġett li qiegħed isir minn Kumitat għall-Persuni Rapportati Neqsin f’Ċipru.
Fuq dan il-proġett li żorna u li qiegħed fuq il-fruntiera fuq art li mhi tal-ebda parti u għalhekk mgħassa mis-suldati tal-Ġnus Magħquda, qegħdin jaħdmu flimkien 55 arkeoloġist u antropoloġist żgħażagħ miż-żewg komunitajiet. Proġett maqsum f’erba’ fażijiet. L-ewwel fażi hija l-qlugħ tal-fdalijiet umani minn taħt il-ħamrija fejn jinstabu l-fdalijiet. Imbagħad issir l-analiżi ta’ dawn il-fdalijiet f’laboratorju antropoloġiku apposta. Wara ssir l-fażi relatata mal-proċess ta’ identifikazzjoni permezz tal-forensika u l-użu tad-DNA, u l-aħħar fażi tkun l-aktar waħda kommoventi, li l-fdalijiet jingħaddew lill-qraba għal difna diċenti. Fdalijiet li għal dawn il-familji affettwati jfissru missier, omm, iben jew qraba.
Huwa proċess li jieħu fit-tul imma li jista’ b’xi mod jagħlaq ferita ta’ min tilef lil xi ħadd minn qrabatu u li sal-lum għadu la jaf x’sar minnu, jassumi li ġie maqtul u midfun f’post mhux magħruf. Proċess li se jservi ta’ mudell għal pajjiżi oħrajn fejn tinstab il-problema ta’ nies neqsin riżultat ta’ atroċitajiet fi żmien ta’ gwerer ċivili jew simili.
Sal-lum instabu l-fdalijiet ta’ 798 persuna, li minnhom 300 huma identifikati u dikjarati bħala 239 Ċiprijott Grieg u 61 Ċiprijott Tork.
Li hu sinjifikanti hu li dan ix-xogħol qiegħed isir b’mod kollettiv bejn iż-żewġ komunitatjiet, li jfisser raġġ ta’ tama lejn rikonċiljazzjoni.
Huma affarijiet li jgħinuk tħares b’ottimiżmu lejn il-futur ta’ Ċipru. Imma sfortunatament hemm influwenza qawwija minn ġewwa li jew ma tridx, jew ma tistax, tinsa dak li għaddiet minnu. U dan huwa rifless f’diversi affarijiet, fosthom, kif semmejt aktar ’il fuq, il-ħatra ta’ kunsilli għal bliet u rħula li ilhom neqsin minnhom dalwaqt 40 sena. Kunsilli li “jaħdmu”. Biżżejjed ngħid li wieħed minnhom, dak ta’ Morfù, huwa f’ġemellaġġ ma’ dak taż-Żurrieq.
Diversi kienu l-attentati lejn soluzzjoni f’Ċipru. Ma waslux. Ma waslux għax fl-għeruq għad hemm weġgħat kbar, weġgħat li kultant jeskalaw lejn il-mibegħda. Sadattant l-ambjent politiku Tork qiegħed jinbidel. It-Turkija m’għadhiex turi tant ħerqa lejn sħubija fl-UE u aktar qed iżżid l-influwenza tagħħa fl-Afrika tat-Tramuntana, billi qiegħda toffri ruħha bħala mudell ta’ pajjiż Iżlamiku lajk.
Ikun ferm għaqli li proġetti ta’ rikonċiljazzjoni bħalma huwa dak dwar il-persuni rrapportati neqsin, jingħataw aktar spinta, aktar għajnuna, aktar għarfien biex ikunu ta’ eżempju kif soluzzjoni għal rikonċiljazzjoni tista’ tinstab. Huwa mbagħad li tkun tista’ tmur b’ottimiżmu lejn referendum li jkun jitlob l-għaqda ta’ Ċipru mill-ġdid, fejn il-komunità Griega u dik Torka jkunu jistgħu jgħixu bħal aħwa, jew għall-inqas provinċji aħwa.
Dan għandu jkun ukoll fil-mira tal-Parlament Ewropew.
Fir-ritratt mix-xellug għal-lemin: L-Isqof Porfirius; Prof. Edward Scicluna MEP; Antigoni Papadopoulou (S&D Ċipru); l-Arċisqof Chrisostomos II; Kinga Goncz (S&D Ungerija); u Antonyia Parvanova (ALDE Bulgaria)

l-orizzont, It-Tnejn, 7 ta’ Novembru, 2011

, ,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *