Benefiċċju msaħħaħ għal djar affordabbli


Kif imwiegħed f’Baġit 2019, mil-lum daħal fis-seħħ benefiċċju ġdid tal-kera ta’ residenzi privati li se jieħu post is-sussidju eżistenti.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦALL-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI

B’kuntrast mas-sussidju li kien jingħata sal-lum, il-benefiċċju l-ġdid se jirrifletti aktar il-prezzijiet reali tal-kera, se jkollu rekwiżiti aktar ġusti ma’ każijiet ġenwini u se jinħadem mhux biss fuq id-dħul tal-applikant iżda wkoll fuq l-ammont ta’ kera mħallsa.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u mis-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes.

Taħt is-sistema l-ġdida persuna waħidha li qabel setgħet tieħu massimu ta’ €1,600 fis-sena, issa tista’ tieħu massimu ta’ €3,600. Żewġ adulti mingħajr tfal li qabel setgħu jieħdu massimu ta’ €1,900 fis-sena, issa jistgħu jibbenefikaw sa €3,600. Koppji bit-tfal u ġenitur wieħed b’wild wieħed ukoll raw żieda ta’ bejn €2,800 u €3,000 fuq dak li kienu jieħdu qabel.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna spjega li m’għadux iż-żmien li l-gvern jikkontrolla l-kirjiet, madanakollu introduċa skema li tgħin lil min qed jikri fejn joqgħod.

“Din hi bidla kbira mill-iskemi tal-passat fejn l-iskemi kienu orjentati biss għal familji bi bżonnijiet soċjali kbar. Permezz ta’ din l-iskema qed nifirxu iżjed l-għajnuna li se nagħtu. Fil-fatt qed ninkludu wkoll familji li d-dħul tagħhom jaqa’ fil-faxxa medja tad-dħul u se jkun qed jittieħed inkonsiderazzjoni diversi forom tal-familja,” qal il-Ministru Scicluna.

Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes spjega li permezz tal-benefiċċju l-ġdid il-gvern qed jgħin tassew biex wieħed jgħix aħjar.

“Dan il-benefiċċju ma jgħinekx biss biex tħallas il-kera iżda li tkun tista’ tgħix ħajja diċenti anke wara li tkun ħallast il-kera. Għalhekk qed inħarsu għall-ewwel darba lejn dak li jissejjaħ disposable income, fejn ma nħarsux lejn id-dħul totali biss iżda wkoll lejn kemm jifdallek wara l-ħlas tal-kera,” spjega Roderick Galdes.

Żied li fil-preżent se jkunu 1,800 familja li se jibbenefikaw minn dan it-tisħiħ fil-benefiċċju bl-ammont jista’ jkompli jiżdied permezz ta’ applikanti ġodda.

Il-benefiċċju l-ġdid se jalloka wkoll €125 addizzjonali fis-sena lil familji li jkollhom xi membru li jkun ibati minn xi diżabilità u €125 addizzjonali fis-sena lil familji b’aktar minn 5 membri. Familji li jkollhom jgħixu magħhom tfal fostered se jingħataw €300 addizzjonali fis-sena.

L-Awtorità tad-Djar se tiddetermina l-ammont ta’ benefiċċju li se jingħata fuq bażi individwali u dawk kollha li diġà qed jirċievu s-sussidju se jirċievu l-benefiċċju l-ġdid mingħajr bżonn ta’ applikazzjonijiet ġodda.

         

Wednesday 30th January 2019


Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *