Inkomplu nħeġġu għal korsijiet postgraduate


Il-gvern ħabbar inizjattiva oħra biex ikompli jħeġġeġ aktar nies jinvestu fl-iżvilupp professjonali tagħhom.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo ħabbru investiment li se jlaħħaq is-€7 miljun immirat sabiex jinċentiva persuni li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom f’livell ta’ Masters jew PhD.

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI

U

L-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL

“Il-gvern jemmen bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija mhux biss iċ-ċavetta ewlenija għall-mobbiltà soċjali għal kull individwu imma wkoll is-sinsla biex nimxu ’l quddiem bħala nazzjon”, qal il-Ministru Scicluna.

Il-Ministru Scicluna spjega kif il-gvern huwa determinat li jinkoraġġixxi aktar individwi jidħlu għal korsijiet postgraduate ekwivalenti għal livell MQF7 u MQF8, jiġifieri livell ta’ Masters jew PhD.

Fil-budget li għadda tħabbar li individwi li jidħlu għal dawn il-korsijiet ma jħallsux taxxa ta’ dħul sa massimu ta’ sentejn minn meta jiggradwaw u jidħlu f’impjieg.

Il-Ministru Scicluna sostna li permezz ta’ studju li sar, l-estimi jindikaw li bejn is-snin 2018 u 2022 in-numru ta’ opportunitajiet f’karigi ta’ managers, professionals, technicians u associated professionals se jiżdied bi 13,500.

Il-Ministru Scicluna żied jgħid li biex Malta tilħaq il-mira tal-R&D ta’ 2% tal-GDP fl-2020, in-numru ta’ persuni jaħdmu fis-settur tal-R&D—li sas-sena 2016 kien jammonta għal 1,430 ħaddiem full-time—irid jiżdied għal madwar 4,500 impjieg full-time, żieda ta’ 3,200.

“L-inċentiv dwar it-taxxa jista’ jkun strumentali biex jikkontribwixxi biex tingħalaq id-differenza bejn il-ħiliet offruti mis-swieq tax-xogħol u dawk meħtieġa biex nilħqu l-mira nazzjonali u t-twettiq ta’ aktar tkabbir ekonomiku”, temm jgħid il-Ministru għall-Finanzi.

Din l-iskema jistgħu japplikaw għaliha persuni taħt l-età ta’ 40 sena li jiddeċiedu li jagħmlu kors f’livell ta’ Masters jew PhD, MQF 7 u MQF 8.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo qal li din l-inizjattiva se tkun qed toffri ċans lill dawk il-persuni li jiddeċiedu li jkomplu bl-istudju tagħhom u li ma bbenefikawx minn xi forma ta’ boroż ta studju oħra, dan sabiex jkomplu jiġu mgħejjuna aktar nies li jixtiequ jkabbru l-abbiltajiet professjonali tagħhom.

“L-għan ta’ dan huwa li nkomplu nħeġġu aktar persuni jgħollu livell ta’ edukazzjoni tagħhom u jinvestu fihom infushom għaliex fl-aħħar mill-aħħar hemm domanda għal persuni bi kwalifiċi għoljin fl-industrija ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Bartolo.

 

    

Wednesday 16th May 2018

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *