Maltese Articles

English Articles

Press Releases

Latest News, News


Ħajr lill-ħaddiema kollha involuti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi indirizzaw konferenza tal-aħbarjiet fil-Freeport ta’ Malta biex personalment jirringrazzjaw lill-ħaddiema nvoluti kollha għax-xogħol siewi li qed jagħmlu kontra t-traffikar d-droga.

 

 

Il-Ministru għall-Finanzi – filwaqt li semma l-qabdiet tad-droga li qed jirnexxilhom jagħmlu l-uffiċjali tad-Dwana b’kollaborazzjoni ma’ uffiċjali tal-Port Ħieles u mal-pulizija – qal li “dan hu dovut għall-investiment f’makkinarju sofistikat, strateġija serja, sostenn u teamwork li qed jagħtu riżultati u ta’ dan jien rikkonoxxenti lejn l-impenn tal-ħaddiema”.

 

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FINANZI U MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU

 

Il-Ministru Scicluna żied li dan is-suċċess miksub mhux biss qed jiġi nnutat minn pajjiżi madwar id-dinja iżda b’mod konkret qed juri li pajjiżna qed jikkumbatti t-traffikar tad-droga u tal-ħasil tal-flus u dan kollu jagħmel unur lil pajjiżna fejn tidħol is-saltna tad-dritt.

 

 

Il-Ministru Konrad Mizzi wera sodisfazzjon għall-ammonti straordinarji ta’ droga li qed jirnexxilha taqbad id-Dwana Maltija bil-għajnuna tal-uffiċjali u tal-apparat tas-sigurtà tal-Freeport. Qal li l-proċeduri ta’ suċċess li ġew introdotti fil-Malta Freeport iridu jiġi replikati fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Tkellem dwar l-importanza tar-reputazzjoni internazzjonali li għandu jkollu l-Malta Freeport biex jassigura li jkompli jiżviluppa fuq bażi internazzjonali.

Din il-konferenza tal-aħbarjiet ġiet indirizzata wkoll mid-Direttur Ġenerali tad-Dwana Joseph Chetcuti.

   

-21st March, 2019

 


Ask Edward