Malta u d-djalogu bejn l-Unjoni Ewropea u l-Maghreb


Il-Maghreb, reġjun li jiġbor dawk il-pajjiżi li jinsabu fil-Punent tal-Eġittu, jiġifieri l-Libja, t-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawritanja. Dawn jissejjħu l-pajjiżi tal-Maghreb, għax jinsabu fix-xaqliba tad-dinja Għarbija li tagħti għal fejn tinżel ix-xemx. Għall-kuntrarju, il-pajjiżi li jinsabu fil-Lvant tal-Eġittu, jiġifieri l-Libanu, l-Palestina, l-Ġordan, is-Sirja u l-Iraq huma magħruf bħala l-Mashriq.

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, l-pajjiżi tal-Maghreb kienu fost dawk li l-aktar laqgħu fihom emigranti Maltin, speċjalment f’Tangiers fil-Marokk, Sfax u Tunes fit-Tuneżija u Algiers fl-Alġerija. Kien hemm żmien fejn l-emigranti Maltin fir-reġjun kien ilaħħaq il-fuq minn 30,000.

 

orizzont thumbnail

 

Illum, is-sitwazzjoni nqalbet ta’ taħt fuq. L-emigrazzjoni miexja mill-Maghreb lejn l-Ewropa. Għalhekk, Malta għandha interess kbir f’dawn il-pajjiżi għax huma il-għajn minn fejn jiġu ħafna immigranti, bil-mira aħħarija tkun li jibqgħu għaddejin lejn l-Ewropa. Il-gżira ta’ Malta hi fin-nofs tar-rotta li jieħdu l-emigranti lejn l-Ewropa. Dan kollu qed joħloq problemi kbar. Biex wieħed jindirizza din il-problema, inutli li jistenna li din tiġi riżolta, jekk ma tittiħidx azzjoni biex jiġu ndirizzati l-problemi fil-pajjiżi tal-Maghreb.

Il-ġimgħa l-oħra, tlajt f’Marrakech, il-Marokk, fejn attendejt għal konferenza kbira bit-tema ta’ Djalogi tal-Atlantiku (Atlantic Dialogues). F’din il-laqgħa minbarra li tkellimt, anke minħabba r-rwol li ser ikollna bħala l-pajjiż li ser ikollu l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE għall-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla, kelli laqgħat bilaterali mal-Ministri u Awtoritajiet tal-pajjiżi tal-Maghreb. F’dawn il-laqgħat, stedint lill-Ministri sabiex jattendu għal-laqgħat li ser jiġu organiżżati waqt il-laqgħa informali tal-Kunsill tal-UE dwar l-Ekonomija u l-Finanzi li ser jitlaqqa’ f’Malta f’April li ġej.

Il-mira tagħna hija li naraw x’inhuma l-bżonnijiet ta’ dawn il-pajjiżi, biex insaħħuhom u biex joktor l-investiment, anke permezz tal-banek tal-iżvilupp bħall-Bank Dinji (World Bank), il-Bank Ewropew għar-rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD) u l-Bank Ewropew tal-Investiment (EIB) sabiex isostnu dawn il-pajjiżi. Din il-mira qed tikseb kunsens minn bosta pajjiżi tal-UE, ewlieni fosthom il-Ġermanja. Mhux importanti dan il-programm insejħulu jekk hux il-Marshall Plan għall-Afrika jew l-Junker Plan estiż. L-importanti hu li jkun programm ta’ ċertu kobor u viżibilità li jagħti kuraġġ lil ħafna żagħżagħ l’ dan il-kontinent b’tant problemi ta’ żvilupp.

Jekk aħna nsostnu dawn il-pajjiżi, naraw li l-ekonomiji tagħhom jiġu fuq saqajhom u li ż-żgħażagħ tagħhom ikollhom futur f’pajjiżhom, il-pressjoni li tiinħoloq fuq l-Ewropa permezz tal-immigrazzjoni għax dawn jiddeċiedu li jitilqu pajjiżhom biex ifittxu futur aħjar fl-Ewropa wieħed għandu jistennijha li tonqos.

Aktar ‘il quddiem intarrfilkom aktar dwar ir-riżultati tad-diskussjonijiet li seħħew f’din il-konferenza f’Marrakech. Dan id-djalogu bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Maghreb, li fil-maġġoranza tagħhom jinsabu fil-Mediterran, jagħmel ġid kbir. Malta qegħdha f’sitwazzjoni li tieħu l-okkażjoni li tiġbed l-attenzjoni tal-UE lejn il-Mediterran, għax ħafna drabi l-problemi li tiddiskuti l-UE jkunu dwar l-Ewropa tal-Lvant, bħall-problemi marbuta mar-Russja u l-Ukrajna jew inkella dwar problemi oħra bħall-Brexit.

Dan ifisser li Malta għandha ċ-ċans uniku fejn ser nistiednu lill-UE biex tiltaqa’ f’pajjiżna, nkunu nistgħu niffukaw u nfehmhuhom x’inhuma l-problemi tal-Mediterran, li jekk jissolvew, ser jgħinu lill-UE tkun aktar stabbli.

12_ORZ

Il-Ġimgħa 23 ta’ Diċembru 2016

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *