Ir-Rota Ekonomika


Ħafna jirreferu għall-ekonomija bħala rota. Hawn min jgħid li r-rota qegħda iddur jew inkella r-rota qegħda iżzaqżaq, jew weħlet meta l-ekonomija tkun staġnata. Fil-fatt l-ekonomisti jħarsu lejn l-ekonomija bħala ċirku, fejn wieħed jagħti lill-ieħor biex terġa tiġi minn fejn bdejt.

Rota

Minn x’ imkien trid tibda. Ejja nibdew u nagħtu ħarsa lejn il-familji bħala istituzzjoni. Il-familji jikkunsmaw u jitolbu s-servizzi u l-affarijiet li jixtru, l-prodotti. U dawn min jipproduċijhom? Hawnhekk huwa l-punt fejn wieħed  jibda jdur u jistaqsi u allura jinħoloq is-suq minn fejn imorru jixtru. Pero’ xi ħadd ikun qiegħed iforni lil dan is-suq u allura hawn għandek in-negozji.  Mela allura hawnhekk għandek blokka oħra, istituzzjoni oħra, in-negozji fuq in-naħa l-oħra tar-rota li qegħdin ifornu l-istess prodotti u servizzi li qegħdin jitolbu u jikkonsmaw il-familji.

Dawn in-negozji qed jipproduċu servizzi u prodotti tal-manufattura minn kull inkwa settur li jista’ jiġi f’moħħok sew tas-servizzi, turiżmu, insurances, banek, affarijiet tal-merċa. Biex jipproduċu dawn l-affarijiet irridu jixtru il-materja prima. Iridu wkoll jużaw fatturi bħal m’huma x-xogħol, il-makkinarju u l-art biex jibnu u allura hawnhekk, għandek suq ieħor. Fil-kas ta’ meta jistaqsu għax-xogħol u l-istess familji, minn naħa l-oħra, joffru l-membri tagħhom biex jaħdmu, hemmhekk għandek suq ieħor, is-suq tax-xogħol.

Minn naħa l-oħra, jekk wieħed qiegħed jitkellem fuq il-kapital, hemm is-suq tal-kapital fejn in-negozjanti, li jkunu qedin jipproduċu, jitolbu makkinarju bħat-teknoloġija. L-istess nistgħu ngħidu għall-propjeta’ li għandha suq għaliha. F’dan iċ-ċirku l-ekonomija iddur. Issa jekk iddurx bil-mod jew iddurx bil-qawwi jiddependi minn kemm inti jkollok inizjattivi u jkollok investiment fost oħrajn.

Jekk issa trid tkejjila din l-ekonomija, kif tasal għal Prodott Domesiku Gross? Kull tlett xhur il-pajjiżi kollha tad-dinja jagħtu rendikont tagħhom u fl-aħħar tas-sena jagħtu rendikont annwali, bħal ma fil-fatt għamlet Malta ftit ilu fejn tat l-aħbar sabiħa illi l-ekonomija Maltija kibret b’rata fenominali ta’ l’fuq min sitta fil-mija b’mod nominali u b’mod reali ta’ ħamsa fil-mija.  Din hija tlett darbiet ta’dik li hija il-medja fiż-Żona Ewro. Dan kollu jfisser li Malta mhux biss ġiet l-ewwel fiż-Żona Ewro imma li, l-ekonomija kibret tlett darbiet iktar mil-medja tal-pajjiżi kollha fiż-Żona Ewro.

U allura kif titkejjel l-ekonomija? L-ekonomisti f’din ir-rota jistaw jogħqodu fejn iridu u jieħdu r-ritratt tal-ekonomija. Hekk pereżempju jistaw immoru u jieħdu rittratt ta’ dħul kollu li jaqalaw in-nies, jiġiefieri sew jekk hux pagi, sew jekk humiex profitti, sew jekk humiex dividends, sew jekk humiex rati ta’ l-imaxx, dak kollu li huwa dħul.

Meta tgħodd id-dħul kollu tal-pajjiż u tan-nies kollha li qed jgħixu f’Malta, dak id-dħul kollu huwa l-Prodott Domestiku Gross. Dan kollu jagħti stampa ċara. Jekk trid tara kollox minn naħa oħra, tista wkoll. Għaliex? Għax dan id-dħul irrid jintnefaq.

Mela ritratt ieħor huwa li mhux tħares lejn dak li qedin jaqalaw il-familji u n-negozjanti, imma x’qegħdin jonfqu u jġemmaw. Jiġifieri għandek il-konsum, għandek il-konsum privat, għandek ukoll dawk li jġemmaw jew inkella x’jinvestu, għax dawn huma ekwivalenti, u għandek ukoll imbgħad settur li mhux privat imma li huwa pubbliku, li huwa l-Gvern. Mela x’jonfoq il-Gvern u meta tgħodd il-konsum privat ma’ dak tal-Gvern u dak l-investiment u kif ukoll dak li nesportaw u nnaqsu dak li nimpurtaw niġu għall-istess stima ta’ dan il-Prodott Domestiku Gross.

Metodu ieħor ta’ kif titkejel l-ekonomija huwa billi għandek ukoll id-dħul li ġej mill-produzzjoni bħas-servizzi. Jiġifieri mod ieħor huwa li tkejjel il-produzzjoni tal-pajjiż b’mod dirett, kemm il-manifattura, kemm x’esportajna, kemm x’iprovdejna ikel għal barranin, kemm xi provdejna f’servizzi, kemm x’tajna f’servizzi tal-banek, etċ. Meta tgħodd flimkien għandek it-tielet kejl, il-produzzjoni. Jiġiefieri biex tkejjel l-ekonomija, għandek sew il-produzzjoni, għandek id-dħul u għandek il-konsum.

Dawn it-tlett modi ta’ kif tista’ tkejjel l-ekonomija għandhom jagħtu l-istess stima tal-Prodott Domestiku Gross. Dan huwa il-ġid li biħ ikejlu kemm il-pajjiż huwa għani jew huwa fqir, kemm sejjer tajjeb jew kemm sejjer ħażin. U bi pjaċir ngħidu hawnhekk li, għalkemm l-ekonomija Maltija għada lura ħdejn il-pajjiżi sinjuri tad-dinja, qegħda tigwadanja sew u bil-mod il-mod nisperraw li xi darba nikkonverġu lejn il-medja Ewropeja.

Ma nisgħux nippretendu li sa inkunu daqs l-iktar pajjiż sinjur pero għal inqas l-istandard of living ta’ pajjiżna bil-mod il-mod jibda jersaq lejn dak tal-medja Ewropeja. Dan jista jsir biss billi t-tkabbir tagħna ikun għola minn tagħhom. Jekk it-tkabbir ikun bl-istess rata tagħhom ma nikkonverġu qatt u nibqaw b’dik id-differenza li tagħmilhom ħafna aħjar minna.  Pero’  meta aħna nibdew nikbru b’rata iktar min tagħhom nikkonverġu. Naħseb illi b’dawn il-ħsibijiet, meta wieħed ‘il quddiem jisma dwar l-ekonomija u l-Prodotti Gross Domestiku, jkun jista japrezzah iżjed.

 

L-Orizzont 17ta’ Marzu 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *