Ir-regoli qegħdin hemm biex jinkisru?


Ir-regoli qegħdin hemm biex jinkisru?

Kull għaqda jew organizzazzjoni serja titmexxa’ skont regoli miktuba. Regoli li kull membru ikun rahom minn qabel u li probabilment ikun ittieħed vot dwarhom. Dawn ir-regoli, imbagħad isibu ruħhom miktuba fi statut ta’ dik l-għaqda jew organizzazzjoni sabiex jiġu osservati mill-istess membri. Xi minn daqqiet issib ukoll li l-istatut jipprovdi għal pieni għal min jikser dawn ir-regoli. Din is-sistema li wieħed jimxi skont regoli miktuba u li kulħadd jafhom hija l-bażi ta’ dik li ngħidulha s-saltna tad-dritt, jew kif inhi magħrufa bl-Ingliż, the rule of law. Dan iwassal ghal gvernanza tajba, good governance.

L-Unjoni Ewropea taħdem bl-istess mod, għakemm b’mod ferm aktar ikkumplikat. Dan għax hemm 28 pajjiż li bejniethom qablu li jsegwu regoli komuni għal firxa wiesgħa ta’ oqsma bħal pereżempju l-ambjent, l-ekonomija, il-kummerċ, is-saħħa u l-edukazzjoni u allura minħabba f’dawn l-oqsma, speċjalment dak tal-ekonomija, l-UE għandha regoli iebsa għall-membri tagħha. Biex aktar nikkumplikaw l-affarijiet, jeżistu set ta’ regoli oħra għal dawk il-membri li għandhom il-munita ewro. Biex tirnexxi din l-unjoni monetarja, bil-fors kien hemm bżonn li jkun hemm regoli aktar stretti mis-sett ta’ regoli li jridu jsegwu l-pajjiżi l-oħra li għalkemm huma membri fl-UE, ma jużawx l-ewro. Dawn ir-regoli qegħdin hemm sabiex iz-zona ewro tibqa’ kemm jista’ ikun kompatta.

F’dan l-ambitu, importanti ħafna li jkollna governanza tajba dwar l-infieq tal-gvern, jiġifieri li d-djun ma jikbrux u jibqgħu fuq livelli moderati filwaqt li jitnaqqas id-defiċit. Snin ilu iżda ġara li meta Franza u l-Ġermanja  kisru r-regola li d-defiċit m’għandux ikun aktar minn 3% tal-Prodott Gross Domestiku, dawn irraġunaw li hemm bżonn li r-regoli ikunu flessibbli. Allura ħadd ma kkundannhom u ħadd ma ġiegħlhom isofru l-konsegwenzi, għax huma pajjiżi kbar u b’saħħithom.

Wara l-kriżi ħdimna mod ieħor. Niftakar li meta kont Membru tal-Parlament Ewropew, għaddejna sitt regoli li bdew jissejjħu s-six pack u aktar tard għaddejna żewġ regoli ohra msejjħa t-two-pack, li ghalkemm konna opponejnihom ghax emminna li ser iġibu l-awserità, kif fil-fatt ġara, il-maġġoranza tal-Parlamentari Ewropej qablu magħhom.

Għall-bidu kien hemm impenn li nimxu ma’ dawn ir-regoli bil-pinna u l-klamar. Niftakru li dawn ir-regoli kellhom pieni marbuta magħhom għal min ma jgħamilx sforz biex inaqqas id-defiċit. Dawn il-pieni jinvolvu multi ta’ flejjes kbar.

Minbarra r-regoli għall-qasam tal-ekonomija, għandna wkoll dawk għad-dinja tal-finanzi. F’dan il-qasam għandna qafas ta’ unjoni bankarja, fejn il-banek jitmexxew permezz ta’ sistema ċentralizzata bbażata fi Frankfurt, il-Ġermanja, imsejħa single supervisor, jiġifieri, regolatur ewlieni li jaħdem permezz ta’ network ma’ regolaturi finanzjarji nazzjonali fiz-zona ewro sabiex ikun hemm l-istabilità. F’pajjiżna ir-regolatur huwa l-MFSA. Barra minn hekk , għamilna regoli sabiex nevitaw dak li kien jiġri fil-passat.

Ilkoll niftakru kif meta fallew il-banek fl-Irlanda, l-gvern daħal b’ruħu u ġismu biex isalvhom, bir-riżultat li spiċċa kważi falla lil pajjizu. L-Irlanda tant kienet mifnija bid-djun minħabba din l-operazzjoni, li kienet ser tgħereq u kellna ntuha l-bail-out biex salvajniha. Maż-żmien daħħalna regoli li jippermettu bail-in biex nevitaw li din is-sitwazzjon terġa’ sseħħ. Il-bail-in ifisser li jekk bank ikun qed ifalli, l-ewwel jitilfu flushom ix-shareholders, imbagħad il-bond holders, u l-gvern jindaħal biss biex jipproteġi lid-depożitanti, jiġifieri lil dawk li kienu tefgħu flushom f’kont bankarju.

Illum il-ġurnata il-Kummissjoni Ewropea qed tiddikjara li Spanja u l-Portugall qed  jiksru r-regoli dwar il-budget li semmejt aktar ‘il fuq u li mhux qed jagħmlu s-sforzi meħtieġa biex inaqqsu d-defiċit. Filwaqt li fl-aħħar tlett snin Malta rnexxielha tagħmel dan l-isforz, Spanja u l-Portugall m’għamlux l-istess, u issa qed jippruvaw jaraw kif jiffrankaw il-multi ta’ miljuni ta’ ewro li suppost għandhom iħallsu skont ir-regolamenti.

Minn naħa l-oħra għandna l-Italja li għandha djun bankarji enormi, allegatament stmati li jlaħħqu t-€360 biljun f’non performing loans. Dan ifisser li hemm b’kemm jiswew €360 biljun f’self li l-banek mhux qegħdin iħallsu imgħaxx fuqhom, li jfisser li l-Italja għandha bosta banek li parti mill-assi tagħhom m’għandhomx valur. Skont ir-regoli l-ġodda li domna niddiskutuhom u ninnegozzjawhom sena u nofs u li għaddejnihom mill-parlamenti nazzjonali kollha, suppost tiskatta l-bail-in ghal dwan il-banek Taljani. Dan isir sabiex jissaħħu l-banek, però biex isir dan, ikollhom jitilfu flushom ix-shareholders. Iżda l-Italja ma tridx toqgħod għal dawn ir-regoli, bil-Prim Ministru Taljan jinsisti li mhux se jaċċetthom.

Jiġifieri, minbarra l-kwistjoni tal-Brexit, l-Ewropa qed taffaċċja mument fejn trid tieħu deċiżjoni kbira. Id-domanda li kulħadd qed jistaqsi hi, “allura r-regoli mhux qegħdin hemm biex nobduhom?” Jiena ngħid li dan huwa veru, però hemm il-biża’ li fid-dawl ta’ dak li ġara bil-Brexit, jekk l-Ewropa tkun wisq iebsa fid-deċiżjonijiet tagħha, jaf tnaffar aktar nies milli jappoġġjaw partiti moderati u li b’hekk issaħħaħ lill-partiti estremisti. Dawn il-partit, li bosta minnhom huma ewroxettiċi jirraġunaw li l-Ewropa qegħda hemmhekk bil-frosta f’idha lesta biex issawwat lill-pajjiżi membri, u allura meta l-Ewropa vera tuża l-frosta, jew thedded li tużha, dawn il-partiti jirnexxielhom jikkonvinċu aktar nies biex jappoġġjawhom. Preżentement, fl-Ewropa qed niffaċċjaw sitwazzjoni fejn il-partiti moderati li ssoltu jkunu fil-gvern qed jitilfu l-poter u l-appoġġ tal-maġġoranza minħabba li qed jissaħħu l-partiti estremisti. Dan jista’ jwasslna għal aktar kaos fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

Din hija kwistjoni serjissima li l-ministri tal-finanzi kollha Ewropej qed noqgħodu attenti ferm kif nitrattawha.  Jiena ġejt ikkwotat ngħid li għandna nużaw is-sens komun. Filwaqt li jekk se noqgħodu niksru r-regoli, wieħed jista’ jaqbad u jżarmhom mill-ewwel, irridu naraw li jekk noħorġu ċertu penalitajiet, dawn għandhom isiru b’moderazzjoni għax jekk inkunu wisq riġidi u stretti, ser nispiċċaw biex noħolqu aktar kaos milli ordni fl-Ewropa. Li hu żgur hu, li l-istorja għadha ma spiċċatx hawn.

 

14_ORZ

 

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *