Il-kuntatt mal-għeruq tal-Partit


Id-delegati tal-Partit Laburista, l-għeruq tal-Partit, illum ikomplu jivvotaw biex jagħżlu Deputat Mexxej tal-Partit għall-Affarijiet tal-Parlament, kariga li qiegħed nikkontesta għaliha flimkien ma’ żewġ Ministri kollegi tiegħi. Kontestazzjoni li servietni biex tul dawn l-aħħar ftit ġimgħat niltaqa’ aktar mill-qrib mal-maġġoranza assoluta tad-delegati f’laqgħat distrettwali u anke lokali.

Laqgħat li servewni wkoll biex stajt nifhem aktar il-ħidma ta’ dawn il-volontieri. Stajt nifhem aktar it-tħassib li jesprimu fl-interess tal-Partit b’mod dirett, sforz l-imħabba u l-lealtà lejn il-Partit, u fl-interess tal-Gvern b’mod indirett. Ma ninsewx li d-delegati huma t-tarek tal-partit fil-lokalitajiet. Huma n-nies li għandhom jaslu l-ewwel ilmenti taċ-ċittadin.

 

 

Ir-rwol tad-delegati jieħu xejriet differenti, skont iċ-ċirkostanzi. Fis-sens li rwol ta’ delegat meta l-partit ikun fl-Oppożizzjoni jkun mod filwaqt li bil-partit fil-Gvern ir-rwol tad-delegat jieħu xejra kompletament differenti. U bir-raġun. Għalhekk fraħt x’ħin f’kull laqgħa mad-delegati kien evidenti s-sodisfazzjon tagħhom għall-pjan li spjegajtilhom li nixtieq li naħdem magħhom u li diġà ressaqt lill-Prim Ministru. Pjan li Dr Joseph Muscat fehem mill-ewwel għax hu, u jien, eżerċitajna meta konna Membri Parlamentari Ewropej. Eżerċizzju li jipprattikaw ukoll il-Membri Parlamentari Ewropej attwali tagħna. Nispjega dwar dan aktar ‘l isfel.

 

 

Malta mhix l-uniku pajjiż fejn titħaddem is-sistema parlamentari bis-sehem attiv tal-partiti politiċi. Hekk titlob id-demokrazija. Għalhekk l-elezzjonijiet. Għalhekk il-formazzjoni ta’ Gvern b’maġġoranza jew b’koalizzjoni b’riżultat tal-elezzjonijiet. Għalhekk ir-rwol ta’ Oppożoizzjoni. Madankollu, minkejja li kull pajjiż iħaddem sistema parlamentari demokratika, minn kull pajjiż hemm x’titgħallem.

Tirrikorri għal dan meta jiżviluppaw ċirkostanzi kemm fuq bażi ta’ partit, kif ukoll fuq bażi ta’ Parlament. Hemm x’titgħallem minn pajjiżi oħrajn Ewropej anke fil-mod ta’ tmexxija ta’ partit. X’jagħmlu pajjiżi oħrajn fejn jirrigwarda komunikazzjoni maċ-ċittadini tagħhom? X’jagħmlu pajjiżi oħrajn fir-rigward tas-sistema Parlamentari?

Ma jfissirx li dak li jsir barra minn pajjiżna bilfors għandu jkun applikat għalina. Ma jfissirx hekk għax kull pajjiż għandu l-kultura tiegħu, għandu l-użanzi tiegħu u allura l-affarijiet isiru b’mod differenti minn xulxin.

Imma hemm ċerti affarijiet li huma bażiċi, li huma fundamentali. Nieħdu bħala eżempju l-mod li bih jaħdem il-Parlament tagħna. Illum, il-Parlament tagħna, apparti l-Kabinett, huwa kompost minn Deputati partajm. Il-Parlament, ġeneralment, jitlaqqa’ biss tliet darbiet fil-ġimgħa, it-Tnejn, it-Tlieta u l-Erbgħa, f’seduti ta’ tliet sigħat u nofs kull darba. Il-Parlament tagħna għandu jibqa’ wieħed partajm?

F’pajjiżi Ewropej oħrajn għandhom sistema totalment differenti minn tagħna. Il-parlament tagħhom jitlaqqa’ l-ġurnata kollha matul il-ġimgħa kollha. Parlament fultajm bħalma huwa l-Parlament Ewropew.

Ħaġa oħra li faċilment tinnota fil-Parlament tagħna li hija totalment differenti minn dik ta’ pajjiżi oħra tirrigwarda l-għajnuna, l-assistenza, li jingħataw il-Membri Parlamentari b’konnessjoni mal-ħidma parlamentari tagħhom. Parlamenti barranin li jien midħla tagħhom kollha għandhom uffiċini għad-Deputati Parlamentari bl-assistenti tagħhom biex jagħmlu riċerki speċifiċi fuq liġijiet għal skopijiet ta’ emendar sensittiv ta’ liġijiet jew tfassil ta’ liġijiet. Għal għanijiet bħal dawn il-Membru Parlamentari jkun jeħtieġ għajnuna esperta f’materja jew oħra. Is-sistema tagħna hija li ngħaddu kollox, jew nistrieħu għal kollox, fuq l-Avukat Ġenerali. Imma l-Avukat Ġenerali għandu jlaħħaq, jista’ umanament ilaħħaq, mal-Ministri kollha u mal-Membri Parlamentari kollha?

Minn żmien għal żmien f’pajjiżna titqajjem il-kwistjoni dwar għandix tkun introdotta kwota għan-nisa, għar-raġuni li huwa stat ta’ fatt illi n-numru ta’ deputati nisa fil-Parlament tagħna huwa żgħir wisq. Il-proporzjon huwa żgħir wisq. Huwa fatt li pajjiżi oħrajn żiedu l-ħeġġa fost in-nisa permezz tal-introduzzjoni tal-kwoti. Kwoti li introduċew għal numru speċifikat ta’ snin. Jista’ jkun li hemm modi oħrajn aktar modesti u moderati li jistgħu jservu biex jimbuttaw daqsxejn aktar għal rappreżentanza femminili akbar fil-Parlament.

Il-proċedura parlamentari tagħna għandha dawk li jissejħu standing orders għal dik li hija tmexxija. Il-bibbja tal-Parlament, li hija riġida, u hekk għandu jkun, imma l-proċess huwa twil. Nagħti eżempju wieħed, il-ħin allokat għall-interventi mid-deputati. Ngħidha bla tlaqliq li fil-Parlament tagħna l-ħin allokat għal dan il-għan huwa twil ħafna. Mhux hekk, per eżempju fil-Paralment Ewropew, fejn l-interventi huma limitati għal ftit minuti biss. F’pajjiżi Ewropej oħrajn hemm proċessi differenti. Nemmen li jkun tajjeb li naraw x’nistgħu nitgħalmu minn ħaddieħor.

Niġi issa għall-pjan li rreferejt aktar ‘il fuq fejn jirrigwarda kuntatt dirett mad-delegati kif ukoll mal-kostitwenti. Ma jidher li hemm xejn istituzzjonalizzat biex il-Ministri u l-Membri Parlamentari jkunu obbligati jiltaqgħu mal-kostitwenti tagħhom. F’ħafna pajjiżi li jien midħla tagħhom dan isir b’mod regolari u b’sekwenza pjanata.

Fil-Parlament Ewropew servejt  għal erba’ snin. Kull ħames ġimgħat jieqaf ix-xogħol kollu tal-Parlament Ewropew għal ġimgħa sħiħa. Ma jsir litteralment xejn f’dak li jirrigwarda attività ta’ Parlament Ewropew. Dik il-ġimgħa tissejjaħ Green Week. Tul il-Green Week il-Membru Parlamentari Ewropew ikun obbligat imur pajjiżu biex jiltaqa’ mal-kostitwenza u mal-għeruq tal-partit politiku tiegħu. Tul dik il-ġimgħa tkun mistenni torganizza laqgħat biex tispjega lill-kostiwenti x’ikun għaddej u tpoġġi lilek innifsek espost għal mistoqsijiet u kjarifiki li jistgħu jitolbu l-kostitwenti.

Laqgħat li jservu biex anke d-Deputat innifsu jitgħallem mingħand il-kostitwent, mingħand id-delegat. Laqgħat li jgħinuk tħoss il-polz taċ-ċittadin. Bl-introduzzjoni ta’ sistema bħal din m’aħna se nkunu qegħdin nivvintaw mill-ġdid ebda rota. Inkunu qegħdin inħaddmu sistema li rnexxiet f’oqsma oħra.

Dan huwa dak li wegħedt lid-delegati. Dan huwa dak li se naħdem għalih biex narah iseħħ illum qabel għada. Fl-interess tal-partit, fl-interess tal-Gvern, fl-interess tal-pajjiż.

Il-Ġimgħa 14 ta’ Lulju 2017

,

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *